Lokali

Il-PN jikxef kif il-PBS “sar Super One 2”

Saru ħaġa waħda. Il-PBS sar Super One 2.

Iżda minkejja dan, ix-Xandir Nazzjonali ma jistax jibqa’ Super One 2. U l-PN se jibqa’ jinsisti li tittieħed azzjoni kontra min ħa d-deċizzjoni biex il-kelma tal-Oppożizzjoni tkun imrażżna.

Hekk sostnew is-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino u d-Deputat Nazzjonalista Graham Bencini f’konfereneza tal-aħbarjiet li saret it-Tnejn filghodu quddiem il-binja tal-PBS fi G’Mangia.

Michael Piccinino tenna li x-xandir pubbliku għandu jwassal il-messaġġ kif inhu, u joffri servizz mibni fuq il-bilanċ.

Graham Bencini min-naħa tiegħu qal li l-fondi pubbliċi għandhom jintużaw biex jirriflettu tassew il-libertà tal-espressjoni, bil-fondi pubbliċi jintużaw għall-pubbliku u mhux biex igawdi biss il-Gvern ta’ Robert Abela.

Graham Bencini tenna li l-PN se jibqa’ jaħdem sabiex l-aħbar fuq ix-Xandir Nazzjonali tkun irrappurtata kif tassew tiġri u jsiru l-investigazzjonijiet ġurnalistiċi meħtieġa.

It-Tnejn li għadda l-Qorti Kostituzzjonali ppreseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony  Ellul mhux biss ikkonfermat sentenza tal-Prim Awla tal-Qorti Ċivili li kienet laqgħet talba tal-PN u ddikjarat li l-Awtorità tax-Xandir naqset milli tassikura li tinżamm imparzjalità dwar ħwejjeġ ta’ kontroversja politika, imma żidiet il-ħlas ta’ danni minn €1,500 għal €5,000. Il-Qorti kkonfermat ukoll li l-Awtorità tax-Xandir m’aġġixxitx b’ħeffa meta x-Xandir Nazzjonali għal żmien konsiderevoli naqas li jobdi l-ordni tagħha fil-każ tax-xandira dwar il-flyover tal-Marsa.