Marsi li żewġt ti’ Ħdud ilu ġie mixli li fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt tal-24 u l-25 ta’ Frar li għadda għall-ħabta tas-2pm., saq għal fuq tliet persuni fl-Iklin u li kkaġuna ġrieħi gravi lil wieħed minnhom u ġrieħi ħfief fuq it-tnejn l-oħra ingħata l-pleġġ mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech. Huwa qed jiġu mixli wkoll li saq b’mod traskurat, bla kont u b’mod perikoluż.
Carlos Cardona ta’ 44 sena qed jiġi akkużat ukoll li għamel U-Turn f’post ipprojbit, li kien qed isuq meta ma kienx f’kundizzjoni li jsuq minħabba li kien taħt l-effett tax-xorb jew drogi, li naqas milli jirrapporta li kien involut f’inċident tat-traffiku u li kiser il-paċi u l-ordni pubblika b’għajjat u ġlied.
Hekk kif bdiet il-kumpilazzjoni fil-konfront tiegħu, l-Qorti laqgħet it-talba li saret mill-Avukat David Gatt għall-ħelsien mill-arrest tiegħu fuq depożitu ta’ elf ewro u garanzija personali ta’ elfejn ewro u li jiffirma darbtejn fil-ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija.
Meta tressaq il-Qorti l-Ispetturi Clayton Camilleri u Andrew Agius Bonello kienu qalu li meta l-Pulizija ġew infurmati bil-każ u marru fuq il-post mill-informazzjoni li kisbu sabu li l-ewwel l-akkużat saq minn ħdejhom, dawwar u reġa’ għadda minn ħdejhom u laqathom.
Cardona kien qal lill-Qorti li jaħdem xufier u qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. Metra tressaq il-Prosekuzzjoni kienet oġġezzjonat bil-qawwa kollha għall-ħelsien mill-arrest minħabba n-natura tal-akkużi, u dan għax naqas milli jirraporta li kien involut f’inċident tat-traffiku u għax fadal xhieda x’jixhdu.
L-avukat Gatt kien qal li l-liġi tippermetti 24 siegħa biex wieħed jirrapporta inċident iżda f’dan il-każ, il-Pulizija marru ġabruh mid-dar tiegħu kwarta wara li seħħ il-każ u riedu jagħmlulu t-test tal-breathilyser fil-kamra tas-sodda. Sostna li Cardona kien qed jirriversja u laqat lil dawn it-tliet persuni li kienu warajh u li kienu għadhom ħerġin “imċemplin” mill-istabiliment tad-divertiment li fl-akkwati. L-Avukat Gatt kien informa wkoll lill-Qorti li l-akkużat lanqas biss jaf min huma u li wara li laqathom, dawn il-persuni marru għalih u bdew isawwtuih. Sostna li anki Cardona ġarrab xi ġrieħi.
//= $special ?>