Lokali

IL-PROTESTA TAL-ĦADD: “Irridu lura l-flus li serqilna l-Gvern”

Kelma waħda – il-Gvern seraqna.

U issa irridu insemmgħu leħinna biex nieħdu lura dak li hu tagħna.

Kienet din ir-reazzjoni komuni li tawna n-nies li kienu preżenti l-Ħadd fil-Belt għall-protesta nazzjonali organizzata mill-Partit Nazzjonalista…fejn ħafna esprimew ir-rabja tagħhom għall-fatt li l-Gvern ilu snin itajjar miljuni kbar fid-deal ta’ Vitals u Steward. Fl-istess waqt, ħalla l-isptar Mater Dei f’telqa, rajna swali iffullati u nies bla privatezza ta’ xejn, nesa kompletament l-isptar Monte Carmeli, ħalla pazjenti mingħajr mediċini bażiċi, u injora t-talbiet li qed jagħmlu t-tobba, l-infermieri u professjonisti mediċi oħrajn.

Qabel bdiet id-dimostrazzjoni tal-Ħadd, Net News saqsa lin-nies preżenti għaliex ħassew li kellhom jingħaqdu mas-sejħa tal-Partit Nazzjonalista.

Saqsejna wkoll lin-nies kif iħarsu lejn it-tmexxija preżenti ta’ Robert Abela.

Il-protesta tal-Ħadd kellha t-tema “Int Jirqalek Aħjar”, u matulha l-Kap tal-PN Bernard Grech appella lill-Prim Ministru sabiex jiftaħ kawża kontra Steward ħalli il-poplu jieħu lura l-flus misruqa mid-deal tal-isptarijiet.