Internazzjonali

L-Estonja: Mandat ġdid ta’ tmexxija għall-Prim Ministru Kallas li hi fost l-akbar sostenituri tal-Ukrajna

Il-Prim Ministru tal-Estonja, Kaja Kallas. kisbet rebħa kbira fl-elezzjonijiet għall-Parlament ta’ Tallinn, bis-suċċess tagħha jfisser anki rebħa għall-unjoni tal-pajjiżi Ewropej li qegħdin jappoġġjaw lill-Ukrajna fil-gwerra kontra r-Russja.

L-Estonja, taħt Kallas, kienet anki fuq quddiemnett biex tesprimi appoġġ għall-Alleanza tan-NATO u ftit hemm dubju li l-Gvern ġdid ta’ koalizzjoni immexxi minnha għandu jkompli b’din il-politika.

Il-Partit għal Riforma ta’ Kallas spiċċa bħala l-akbar partit fil-votazzjoni tal-Ħadd fejn irnexxielu jirbaħ 37 minn fost il-101 siġġijiet fil-Parlament tal-Estonja. Dan ifisser li Kallas, fil-jiem li ġejjin, għandha tifforma koalizzjoni ġdida waqt li tkompli taqdi d-doveri ta’ Prim Ministru.

Intant, il-Partit estremista tal-lemin bl-isem Ekre spiċċa t-tieni u fejn se jkun irrappreżentat minn 17-il deputat fl-Assemblea. Ir-riżultat hu anki wieħed storiku għall-Ekre li qatt qabel ma kien mar daqshekk tajjeb f’elezzjoni nazzjonali.

Il-Gvern tal-Estonja – fost l-iżgħar pajjiżi tal-Ewropa u fejn qed jgħixu madwar 1.3 miljuni – fl-aħħar xhur ma żammx lura milli jesprimi s-sostenn tiegħu għall-Ukrajna wara l-invażjoni tar-Russja; bil-Gvern ta’ Kallas anki jikkundanna l-infiltrazzjoni ta’ pajjiż sovran mill-qawwiet ta’ Moska.

Kaja Kallas, fil-fatt, hi fost l-aktar mexxejja Ewropej li insistew bil-kritika għar-Russja f’din l-aħħar sena u meta, kemm-il darba appellat – permezz tal-media internazzjonali – biex il-pajjiżi tal-UE u l-Punent jibgħatu aktar armamenti lill-Ukreni.

Fl-istess ħin Kallas – li pajjiżha kapaċi wkoll jisfa mira tar-Russja fil-futur — temmen dwar il-ħtieġa li l-Punent jimponi jerġa aktar sanzjonijiet fuq it-Tmexxija tar-Russja. Hi, fl-istess ħin, qed titlob biex il-Punent jirrinforza lid-difiżi tal-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja: it-tliet Stati Baltiċi ( eks-Sovjetiċi) li huma lkoll Stati-membri tan-NATO.

Intant, il-President tal-Estonja, Alar Karis, ħeġġeġ biex il-partiti rappreżentati fil-Parlament ta’ pajjiżu jaqblu dwar koalizzjoni mingħajr telf ta’ żmien u biex jevitaw l-iċken ħjiel ta’ inċertezza.

Dan ukoll meta r-rebħa għal Kallas qed tagħtiha diversi possibbiltajiet biex taċċerta minn maġġoranza uffiċjali fl-Assemblea u fost iċ-ċansijiet kbar li hi tiffissa koalizzjoni ‘ta’ tlett partiti’ li tinvolvi lill-Partit għal Riforma flimkien ma’ żewġ entitajiet oħra li, bħalu, iħaddnu l-politika liberali.