Żgħira kemm hi żgħira Malta, il-pajjiż joffri ħafna affarijiet. Minn storja kulurita, għal-lingwa li taffaxxina, u ma jistax jonqos l-ikel tradizzjonali li ħafna jiġġennu warajh, mhux biss il-Maltin stess iżda anke l-barranin.
Waqt esperjenza ta’ ġimgħa, tmien żgħażagħ ħasbu li jagħtu għażla vasta ta’ ikel tradizzjonali Malti waqt lejla kulturali fl-Estonja. Dan hekk kif dawn, fi tmiem ix-xahar li għadda, ipparteċipaw f’Youth Exchange bejn sitt pajjiżi differenti, b’iktar minn 30 parteċipant.
Fost l-ikel li kien offrut, kien hemm it-Twistees, l-imqaret u ma jistax jonqos il-galletti bil-ġobon kif jafu jagħmlu l-Maltin. Ix-xarba tant popolari tal-Kinnie kienet ukoll fuq il-mejda fost il-mappa tal-belt kapitali u l-bandiera Maltija mdendla bi kburija kbira.
Kull parteċipant Malti libes labra tal-George Cross qrib qalbu, kburin li qed jirrappreżentaw lil pajjiżhom. U bosta barranin spiċċaw ingħaqdu mal-Maltin hekk kif fil-kumplament tal-ġranet flimkien libsu jew il-labra jew inkella wrist band ħamra ta’ Malta tant kemm bdew iħossuhom parti mill-entużjażmu tal-Maltin.
Il-leader tat-tim Malti, Dejvid Bartolo spjega ma’ Net News kif l-esperjenza tal-Youth Exchange kienet waħda partikolari, bil-lejla kulturali se tibqa’ dejjem f’qalbu.
“Kienet ġimgħa mimlija esperjenzi, b’workshops li għallmuna ħafna,” qal Bartolo. “Waħda mill-esperjenzi li ma ninsa qatt kienet il-lejla kulturali fejn kull pajjiż ippreżenta ikel u xorb tradizzjonali ta’ pajjiżu. Il-mejda tal-Maltin kienet mimlija tant li ġabet magħha kurżità kbira mill-parteċipanti l-oħra. Kien hawnhekk fejn it-tim Malti qasam il-kultura, tradizzjonijiet u l-istorja ta’ pajjiżna. Fost oħrajn offrejna l-prinjolata, il-kwareżimal u saħansitra l-figolli. Kienet esperjenza li għallmitna ħafna filwaqt li kompliet tgħaqqad lil Malta mal-kumplament ta’ pajjiżi Ewropej.”
Ma jistax jonqos li waqt l-iljieli kollha ndoqqu u nkantaw mużika Maltija, bl-innu Malti ma jonqosx li jitkanta ma’ kull opportunità.
Il-parteċipanti kienu parti minn Youth Exchange bl-isem ta’ FAKE – Finding Alternative Kommunication Etiquettes, fejn tul din il-ġimgħa kellna numru ta’ attivitajiet biex nitgħallmu dwar l-importanza tal-komunikazzjoni, kif wieħed għandu jagħraf informazzjoni falza li tinxtered fuq il-midja soċjali u kif għandhom jiffurmaw parti mis-soċjetajiet tagħhom biex ikollna pajjiżi iktar b’saħħithom, fost temi oħra.
Il-persuna li ħadmet fuq dan il-proġett, Margareeta Rebane, spjegat li ma ħasbithiex darbtejn biex tinkludi parteċipanti minn Malta. Rebane qalet kif bħal dejjem, iż-żgħażagħ Maltin li attendew urew kuraġġ kbir, u taw l-għajnuna u s-sapport kollu meħtieġ permezz tal-qalb kbira tagħhom.
Net News tkellem ma’ wieħed mill-parteċipanti Maltin, Nigel Mario Grech, li spjega dan il-proġett bħala wieħed li mhu se jinsa qatt.
“Esperjenza li tiftaħlek għajnejk u li għallmitni ħafna fuq ġrajjiet kurrenti u aħbarijiet foloz,” qal Grech. “Kelli wkoll l-opportunità li nesperjenza klima totalment differenti minn ta’ Malta u nżur post sabiħ bħal Parnu, fl-Estonja.”
Apparti t-tmien Maltin li ntgħażlu minn selezzjoni ta’ applikanti wara sejħa mill-għaqda mhux governattiva Prisms Malta, għal dan il-programm ħadu sehem parteċipanti mill-Estonja, l-Italja, il-Polonja, l-Olanda u l-Greċja. Ma jistax jonqos li apparti s-sessjoni edukattivi li kellhom, huma kellhom l-opportunità li jitkellmu flimkien u jitgħalmu aħjar il-kulturi ta’ xulxin. Dan il-proġett sar bħala parti minn Erasmus+.
Il-konnessjoni li kien bejn il-Maltin u l-barranin kienet waħda unika. Fil-fatt, parteċipant Estonjan, Kahro Koit Koitla, qal kif din l-esperjenza mal-Maltin wasslitu biex ikollu ħbiberija sinċiera magħhom.
“Fil-Maltin rajt żgħażagħ verament qalbhom tajba, onesti u lesti li jgħinu lil kull persuna,” qal Koitla. “Permezz tal-kultura u l-istorja simili ta’ bejnietna, l-Estonjani kellna konnessjoni faċli mal-Maltin. U ma jistax jonqos li permezz tal-lejla kulturali stajna naraw il-qalb kbira tal-Maltin. Wasluni biex insir inħobb lil Malta grazzi għall-qalb kbira tagħhom tant li ’l quddiem għad inżur lil din il-gżira.”
Għal uħud, esperjenza bħal din kienet l-ewwel waħda filwaqt li oħrajn ilhom is-snin jipparteċipaw f’isem pajjiżna għal snin sħaħ. Bit-tradizzjonijiet Maltin ma jistax jonqos li jinxterdu madwar id-dinja kollha.
//= $special ?>