Lokali

L-Ombudsman jiltaqa’ mal-Ispeaker fi tmiem tal-mandat tiegħu

Hekk kif wasal biex jintemm il-mandat tiegħu bħala Ombudsman Parlamentari, Anthony C. Mifsud iltaqa’ mal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia.

Matul il-laqgħa, Anthony Mifsud iddeskriva l-ħatra tiegħu ta’ Ombudsman bħala waħda ta’ esperjenza li tagħtu sodisfazzjoni kbir, minkejja li iffaċċja sitwazzjonijiet diffiċli u ta’ sfida, inklużi riformi istituzzjonali kbar u pandemija globali. Madankollu, l-Uffiċċju baqa’ sod, kompla għaddej bil-ħidma tiegħu fil-promozzjoni ta’ governanza tajba u fl-assigurazzjoni ta’ amministrazzjoni pubblika tajba, u meta kien meħtieġ qatt ma naqas milli jsemma’ l-vuċi tiegħu. Bħala istituzzjoni, b’mod diliġenti kompliet tirċievi, tipproċessa, tinvestiga l-ilmenti miċ-ċittadini u tirrakkomanda rimedju xieraq.

Mifsud esprima l-gratitudni tiegħu lejn il-Kummissarji speċjalizzati u l-istaff ħabrieki u kompetenti li tawh appoġġ matul il-mandat tiegħu, filwaqt li ġie assigurat li ssir ġustizzja u jkun hemm amministrazzjoni pubblika tajba.

Huwa irringrazzja wkoll lill-Ispeaker u lill-Parlament, u esprima t-tama tiegħu li r-relazzjoni bejn il-Parlament u l-Uffiċċju tkompli tissaħħaħ u li l-istituzzjoni tkun ikkunsidrata mill-Parlament, bħala strument validu biex iżżomm lill-Eżekuttiv responsabbli l-ħin kollu.

Fi tmiem il-laqgħa, Anthony Mifsud ippreżenta il-pubblikazzjoni tal-Każijiet fil-Qosor 2022 lill-President tal-Kamra tad-Deputati Anglu Farrugia.