Lokali Qorti

Mixli li attakka Pulizija meta kien fis-sakra waqt ċelebrazzjoni ta’ impieg ġdid

Eks raġel li kien kundannat mill-Qorti u li nħeles dan l-aħħar u li spiċċa fis-sakra waqt li kien barra jiċċelebra l-fatt li sab ix-xogħol, reġa’ spiċċa arrestat wara li allegatament attakka uffiċjal tal-Pulizija f’San Ġiljan. Mohamed M. Mahdi, Libjan ta’ 39 sena li għandu mill-inqas tliet kundanni preċedenti għal serq aggravat, tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Victor Axiak.

L-Ispettur Zachary Zammit akkuża lir-raġel li hedded uffiċjal tal-Pulizija, kif ukoll li aggredixxa u weġġa’ ħafif lill-Pulizija qrib Spinola Gardens f’San Ġiljan għall-ħabta tat-3:20pm is-Sibt waranofsinhar. Mahdi kien akkużat ukoll li kien fis-sakra u li ma setax jieħu ħsieb lilu nnifsu f’post pubbliku u li kien qed idur f’żona pubblika waqt li kien qed jixrob minn flixkun tal-ħġieġ l-inbid.

Mahdi qed jiffaċċja wkoll akkużi addizzjonali relatati mal-imġieba ħażina u offensiva kontinwa tiegħu lejn żewġ uffiċjali oħra tal-Pulizija, waqt li kien qed jinżamm fl-għassa ta’ San Ġiljan. L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.

L-avukat difensur ta’ Mahdi Christopher Chircop talab il-ħelsien mill-arrest, u sostna li l-maġġoranza tal-akkużi kienu relatati ma’ kontravenzjonijiet, mhux reati u li l-Qorti ma kinitx rat evidenza tal-allegati feriti tal-vittma f’dan l-istadju. L-imputat kien ftit ilu nħeles mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wara li qatta’ aktar minn tliet snin ħabs, u kien ħareġ ma’ xi ħbieb, jiċċelebra l-bidu ta’ ħajja ġdida, hekk kif kien sab impjieg.

“Xorob ftit u seħħ danb l-inċident,” qal l-avukat, filwaqt li saħaq fuq ir-rabtiet tar-raġel ma’ Malta u l-intenzjoni li jibda programm ta’ rijabilitazzjoni fuq il-problema tal-alkoħol. Chricop talab lill-Qorti biex tikkunsidra l-libertà proviżorja għall-imputat, u żied li min iħaddem lir-raġel kien lest ukoll li jaġixxi bħala garanti tiegħu.

Il-Qorti, iżda, ċaħdet il-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju, u qalet li ma kinitx kunfidenti li l-akkużat kien kapaċi jobdi l-kundizzjonijiet tal-pleġġ li jkollha timponi, b’mod partikolari dak li ma jwettaqx reat volontarju ieħor waqt li jkun fuq il-libertà proviżorja.