Lokali

“Rajt ħdura kbira fil-konfront tiegħi” – Is-Sindku Laburista tal-Gżira

“Xi ħadd onest m’għandux postu fil-Partit Laburista. F’dawn l-aħħar snin rajt ‘ħdura kbira’ fil-konfront tiegħi sempliċiment għax qed insemma’ leħni quddiem il-ħażin li qed isir madwarna.”

Hekk stqarr is-Sindku Laburista tal-Gżira Conrad Borg Manché meta kien qed jikkummenta dwar dak li kiteb id-Deputat Mexxej Laburista Daniel Micallef b’reazzjoni għad-diskors politiku li l-Prim Ministru Robert Abela għamel il-Ħadd filgħodu – post li urta lil bosta Partitarji Laburisti wkoll għax skont Daniel Micallef dak li l-popli vvota għalih.. il-Gvern Laburista qed iwettqu.

Borg Manché kiteb li ma jistax iżomm fommu sieket u jħalli kollox għaddej meta f’pajjiżna, min hu miljunarju qed ikompli jsir miljunarju. Stqarr li ‘ċerti persuni’ fi ħdan il-Partit Laburita ma jriduhx iktar ma saqajhom sempliċiment għax qed jitkellem dwar il-ħażin li qed isir.

Apparti r-reazzjoni ta’ Borg Manché, il-post ta’ Daniel Micallef ħoloq ukoll rabja fost partitarji Laburisti fejn kienu ħafna dawk li kkummentaw li l-Labour sar partit li hu ‘l bogħod mill-ħaddiema u mill-batut.  B’oħrajn jikkummentaw li vvutaw għall-Partit Laburista għax wiegħed li se jeqred il-korruzzjoni iżda issa l-istess partit ġab lil Malta miżbla.

Kumment ieħor kien jgħid li ċerti Ministri qegħedin hemm biex isaħħnu s-siġġu… bir-riżultati jitkellmu waħedhom. B’persuna oħra tikteb li dak li qed jagħmel il-Gvern Laburista qed jagħmlu biex jaġevola lil min jinsab f’pożizzjonijiet għolja hekk kif sar Gvern maqtugħ mir-realtà.

Ma naqsux ukoll kummenti dwar id-deal skandaluż mal-Vitals, bin-nies juru t-tħassib tagħhom li dawn nagħataw il-miljuni u l-poplu ma ħa xejn lura. 

Din mhux l-ewwel darba li Conrad Borg Manché kritika lill-Gvern Laburista u qal li ġie mwarrab. F’Jannar li għadda tkellem dwar il-qerda ambjentali kontinwa li qed tissokta fil-pajjiż.

Is-Sindku Laburista tal-Gżira ilu għal dawn l-aħħar jiem japella sabiex issir inkjesta pubblika dwar it-traġedja li waslet għall-qtil ta’ Jean Paul Sofia. U stqarr li huwa fl-interess sagrosant tal-poplu li din l-inkjesta ssir immedjatament. Saħaq li min qed jippersisti li din ma ssirx huwa kompliċi ma’ min huwa ħati.