Liverpool umiljaw għal kollox lil Manchester United, 7-0, fid-Derby tal-Ingilterra li ntlagħbet f’Anfield Road – b’din tkun anki l-agħar telfa għal United fl-istorja sħiħa tar-rivalità antika u taħraq tagħhom mar-Reds ta’ Merseyside.
Man Utd fl-aħħar staġuni ġarrbu telfiet kbar f’dan il-grawnd iżda żgur li ħadd ma basar li dan it-tim – frisk mir-rebħ tal-Carabao Cup u li kien qed juri l-aħjar forma f’dan il-kampjonat – seta’ jikkrolla b’mod daqshekk emfatiku, fejn qala’ xejn anqas minn sitt gowls fit-tieni taqsima.
L-ewwel taqsima kienet pjuttost kumbattuta, b’United anki jkunu aħjar mill-avversarji, b’Fernandes ifalli l-bersall bi ftit bir-ras, u b’Rashford ukoll jitlef żewġ opportunitajiet tajbin quddiem il-gowlkiper Alisson – it-tnejn fuq kontra-attakki perikolużi.
Liverpool sa dak il-ħin ma kienux taw xutt wieħed fil-lasta ta’ David de Gea iżda huma marru fil-vantaġġ fit-42 minuta meta Cody Gakpo żgiċċa lil Varane biex sab ix-xibka b’xutt fil-baxx għall-1-0.
It-tieni taqsima kienet litanija sħiħa ta’ diżastri għal United fejn huma ġarrbu sitt gowls mingħajr risposta.
Liverpool fetħu din it-taqsima b’żewġ gowls oħra skurjati fi spazju ta’ erba’ minuti minn Nunez (47) u Gakpo (50) b’United minn dak il-ħin jisfaxxaw kompletament, b’Mo Salah (66) jagħmilhom erba’ fuq żball ieħor mid-difiża ta’ United.
Il-gowls, intant, komplew jaslu regolarment minn Nunez (75), Salah (83 – u li kien anki l-129 gowl tal-Eġizzjan għall-klabb ) u s-sostitut Firmino (88) b’dan il-gowl itemm il-kalvarju tar-Red Devils.
Manchester United, minkejja din it-telfa umiljanti, għadhom it-tielet fil-Premier Ingliż b’49 punti waqt li Liverpool jinsabu l-ħames, b’distakk ta’ tlett punti mar-raba’ tim, Tottenham.
Fil-logħba li ntlagħbet qabel, Nottingham Forest kellhom jiġu minn wara darbtejn biex isalvaw dro, 2-2, ma’ Everton f’The City Ground.
Il-logħba kienet effettivament ‘relegation six-pointer’, b’Everton – li kienu ġejjin minn telfa 0-4 ma’ Arsenal – ifallu milli joħorġu miz-zona l-ħamra tal-klassifika u meta huma għadhom it-tielet tim mill-aħħar, b’vantaġġ ta’ punt fuq l-aħħar żewġ timijiet; f’dan il-każ Southampton u Bournemouth.
Intant, Notts Forest jinsabu fl-14-il post tal-Premier League Ingliż b’vantaġġ ta’ sitt punti fuq l-istess Everton. Dan meta t-Toffees anki għandhom l-istess punteġġ bħal Leeds United iżda b’differenza ta’ gowls inferjuri għall-Yorkshiremen.
Il-logħba kienet kumbattuta u movimentata, bl-attakkant ta’ Everton Damarai Gray (10) jiskorja l-ewwel gowl minn penalty wara li Jonjo Shelvey waqqa’ lil Dwight McNeil fil-kaxxa.
It-tweġiba minn Forest kienet immedjata, bil-gowlkiper ta’ Everton, Pickford, isalva x-xutt ta’ Morgan Gibbs-White u bi Brennan Johnson (20) ma jiżbaljax mir-rebound għall-1-1.
Qabel il-mistrieħ kienu Everton li mill-ġdid sabu x-xibka ta’ Navas b‘header mill-viċin ta’ Abdoulaye Doucoure (29) u anki marru viċin it-tielet gowl meta McNeil ġiegħel lil Navas iwettaq save stupend fuq xutt minn 30 metru li deher destinat għal ġewwa.
Fit-tieni taqsima, b’Forest xeħtu kollox fuq l-attakk u wara li marru viċin b’tentattivi ta’ Gibbs-White u Lodi, Johnson, meritatament isalva punt għat-Tricky Trees meta, fis-77 minuta, venven xutt bid-dawwra għar-rokna tax-xibka li ma ta l-ebda ċans lil Pickford.
//= $special ?>