Lokali Qorti

Sirjan mixli li aggredixxa lil martu u kisser il-karozza ta’ zijitha waqt li kien fis-sakra

Il-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest lil raġel akkużat li s-Sibt li għadda aggredixxa u weġġa’ ħafif lil martu waqt li kien fis-sakra. L-Ispettur Audrey Micallef ressqet Sirjan quddiem il-Maġistrat Victor Axiak, akkużat li weġġa’ ħafif lill-mara, aggreditha, li għamel ħsara fil-karozza taz-zija tagħha, li saqha b’mod imprudenti u perikoluż u li saq taħt l-influwenza tal-alkoħol.

Hi spjegat kif it-Taqsima tal-Vjolenza Domestika kienet irċeviet rapport mingħand il-mara nhar is-Sibt għall-ħabta tas-7pm. L-allegata vittma qalet lill-Pulizija li żewġha kien qed juża karozza taz-zija u ċemplilha, u qalilha li l-karozza kienet waqfitlu.

Il-mara marret b’taxi fil-post, peress li ma ssuqx, żiedet tgħid l-Ispettur. Meta waslet hemm, qalet il-mara, l-imputat kien viżibilment fis-sakra u ma setax joqgħod fuq saqajh u kellu riħa qawwija ta’ alkoħol, xi ħaġa li aktar tard ġiet innutata wkoll mill-Pulizija.

Hija nnotat ukoll li l-karozza kellha diversi daqqiet u ħsarat oħra. Waħda mir-roti spiċċat biss bir-rimm, bit-tyer tagħha nieqes, kienet qalet il-mara lill-Pulizija. Meta staqsietu x’ġara, ir-raġel qabadha minn xagħarha u ħabtilha rasha mal-karozza diversi drabi.

Ir-residenti fl-inħawi kienu raw dak li kien qed jiġri u ċemplu lill-Pulizija, qalet l-Ispettur. Aktar tard il-mara ġiet iċċertifikata li weġġgħet ħafif. L-imputat, residenti l-Għarghur li qal lill-Qorti li kien jaħdem bħala kaħħal u fil-kisi, wieġeb mhux ħati tal-akkużi, assistit mill-avukati Franco Debono u Tiziana Micallef.

L-Avukat Vincent Galea, li rrappreżenta lill-vittma bħala parte civile oppona kull talba għall-ħelsien mill-arrest, u saħaq li r-raġel m’għandux jitħalla jibqa’ d-dar mal-allegat vittma, jekk jingħata l-libertà proviżorja. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest, filwaqt li rrimarkat li ż-żewġt itfal tal-koppja, ta’ sentejn u erba’ snin, kienu f’riskju.

L-imputat kien ilu wkoll jgħix Wied il-Għajn għal dawn l-aħħar 18-il xahar, qalet l-Ispettur, li żiedet tgħid li dan ħareġ mill-istqarrija tiegħu, peress li kien reġistrat li jgħix x’imkien ieħor. Peress li t-tfal kienu daqshekk żgħar, ommhom ikollha tkun preżenti għal kull laqgħa mal-akkużat, li kien diġà talab biex jara lil uliedu waqt arrest, qalet l-Ispettur.

L-allegat vittma kienet toqgħod Marsaskala wkoll, kompliet tgħid l-Ispettur. Omm il-mara kienet tgħix l-Għarghur, hi spjegat. “Għamlu xi żmien jgħixu magħha, iżda wara li marru joqogħdu Marsaskala, aktar minn sena ilu, l-imputat ma kienx għarraf lill-awtoritajiet dwar dan.”

L-Avukat Debono sostna li r-raġel kien ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar tmien snin u kellu impjieg regolari. “Il-fatt li talab biex jara t-tfal mhemm xejn ħażin. Alla ħares ma jitħalliex ikellem lil uliedu, li l-Prosekuzzjoni diġà ddikjarat mhux se jiġu mħarrka bħala xhieda.”

“Dawn huma biss akkużi ta’ ġrieħi ħfief u ħsara volontarja,” żied jgħid l-avukat. Il-Maġistrat ċaħad il-ħelsien mill-arrest, u qal li mal-ewwel daqqa t’għajn, deher li ċ-ċansijiet li l-akkużat jipprova jbagħbas l-evidenza ma kienx “żgħir”. Talba għal projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-isem tar-raġel, sabiex jiġu protetti l-interessi tat-tfal tal-koppja, ġiet milqugħa mill-Qorti.