Żviluppatur tal-proprjetà mill-Iklin li ppretenda li jirritorna depożiti fuq wegħda ta’ ftehimiet ta’ bejgħ b’ċekkijiet marbuta ma’ kontijiet li ma jistgħux jintużaw wieġeb ħati ta’ akkużi ta’ frodi u miżapproprjazzjoni. L-Ispetturi Jonathan Ransley u Ritienne Gauci ressqu l-Qorti lil Jeffrey Attard ta’ 49 sena mill-Iklin quddiem il-maġistrat Victor Axiak, fejn akkużawh bi frodi, miżapproprjazzjoni u qligħ ieħor frawdolenti fuq tliet individwi.
Ir-reati seħħew bejn l-2019 u Jannar 2021. Il-Pulizija qalet li Attard kien xtara oġġetti u ippretenda li jirritorna depożiti fuq ftehim ta’ wegħda ta’ bejgħ b’ċekkijiet konnessi ma’ kontijiet li fihom ma kienx hemm flus jew magħluqa. Klijenti ta’ Attard, li kienu daħlu f’wegħda ta’ bejgħ fuq il-propjetajiet inkwistjoni, kienu marru għand il-Pulizija wara li l-iżvilupp imwiegħed ma nbeniex.
Attard wieġeb ħati, u kkonferma l-ħtija tiegħu wara li ngħata l-ħin biex jerġa’ jikkunsidra l-ammissjoni u jikkonsulta mal-avukat tiegħu. Fis-sottomissjonijiet tiegħu dwar il-piena, l-avukat difensur Mark Fenech Vella qal lill-Qorti li kien ilu diversi snin jassisti lill-imputat f’kawżi ċivili, iżda li din kienet l-ewwel darba li Attard kien akkużat b’reat kriminali.
Iċ-ċekkijiet li ħallas bihom kienu tabilħaqq ‘refered to drawer,’ u għalhekk ir-reat kien seħħ, osserva l-avukat ta’ Attard, li talab lill-qorti tordna rapport ta’ inkjesta soċjali dwar l-użura. “Hawn għandna każ ta’ negozjant li jitlob self u min sellef lilu qed jitlob id-doppju tal-ammont lura,” huwa qal.
Id-difiża talbet ukoll li jiġi kkummissjonat rapport ta’ qabel is-sentenza sabiex jiġi kkonfermat jekk l-assi tal-akkużat, deskritti fil-Qorti bħala “sostanzjali,” qabżux ir-responsabbiltajiet tiegħu. Il-Qorti rrimarkat li ma deherx li kien il-każ. Iżda l-avukat insista, u spjega li l-istituzzjoni ta’ kawżi ċivili separati qed tagħmel il-problema aktar kumplessa.
Fil-Qorti ngħad li l-ammont totali allegatament misapproprjat kien ta’ €92,000. Il-Prosekuzzjoni qalet li ma saru l-ebda ħlasijiet lura. L-Ispettur Ransely oġġezzjona għat-talba, u qal lill-Qorti li l-akkużat kien iddikjara li għandu aktar assi milli djun waqt l-interrogazzjoni.
Il-Qorti laqgħet it-talba għal rapport ta’ qabel is-sentenza, u spjegat li dan kien meħtieġ biex tkun tista’ tifforma opinjoni dwar il-piena ideali f’dan il-każ. L-Ispettur Ransley ma oġġezzjonax għat-talba tad-difiża għal pleġġ, iżda talab li l-imputat jiġi ordnat jiffirma l-Għassa kuljum u li l-Qorti timponi depożitu ta’ pleġġ sostanzjali. Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, u ħelset lill-imputat mill-arrest sal-konklużjoni tal-proċeduri fuq depożitu ta’ €100 u garanzija personali ta’ €30,000.
//= $special ?>