Lokali Qorti

18-il xahar ħabs wara li ammetta li wettaq ‘hold-up’ f’ħanut tal-logħob

Żagħżugħ ta’ 25 sena mill-Gambja ġie kundannat 18-il xahar ħabs wara li ammetta li nhar il-Ġimgħa filgħodu wettaq ‘hold up’ b’sikkina u wettaq serqa ta’ €1,900  minn ħanut tal-logħob fi Triq il-Prinċipessa Margerita, l-Imsida. Foday Saidy li jaħdem bħala deliveryman ammetta li wettaq din is-serqa bejn id-9.15am u 9.45am u li huwa għandu l-vizzju tal-logħob.

Huwa qal li mhuwiex persuna kriminali iżda għamel dak li għamel peress li kien irrabbjat wara li l-imgħallem li jaħdem ma ħallsux il-paga kollha dovuta lilu. Ammetta wkoll li ssekwestra mpjegata tal-ħanut tal-logħob li hija żagżugħa Maltija ta’ 22 sena permezz li sikkina li kellha x-xafra miksura.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-ħati huwa klijent regolari ta’ dan il-ħanut tal-logħob u li l-Pulizija waslet għalih wara li rat filmati tas-CCTV waslet għal Saidy fejn bdiet issir tfittxija għalih u kien nhar il-Ħadd li huwa ġie arrestat meta kien passiġġier fuq karozza tal-linja mill-Pulizija tal-Għassa tal-Ħamrun.

Meta l-Pulizija arrestawh kellu fuqu barżakka li wkoll deheret fil-filmati tas-CCTV’s. Hekk kif tressaq il-Qorti Saidy mill-ewwel qal lill-Maġistrat Elaine Merceica Rizzo li kien qed jammetti u li ma kellux avukat. Il-Qorti nfurmatu li l-akkużi li kien qed jiffaċċa għandhom piena ta’ ħabs u mportanti għalih li jkun difiż u li jekk m’għandux finanzi l-istat kien se jiprrovdilu wieħed.

Hawn tqabbad l-Avukat Martin Farrugia li wara li kkonsulta ma’ l-akkużat, xorta baqa’ jammetti li kien hu li wettaq ir-reati. Hawn Saidy li m’għandux indirizz fiss qal li dan l-aħħar kien qed jgħix Ħal Qormi u li hu dejjem ħadem u ħallas it-taxxi. Huwa għal darba oħra ammetta mal-Qorti l-akkużi kollha miġjubin kontrih.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Lyon Zammit, Stephen Gulia u Jonathan Ransley talbu lill-Qorti biex il-ħalliel jingħata sentenza ta’ ħabs effettiva. Minn naħa tagħha d-difiża talbet il-minimu tas-sentenza fejn qalet li Saidy huwa wkoll vittma taċ-ċirkostanzi għal mond kif kien trattat minn min iħaddmu.

Qal ukoll li huwa qatt ma kellu l-intenzjoni li jweġġa’ lil xi ħaddiem tal-kumpanija u li qed jiskuża ruħu għal dak kollu li għamel. Il-Qorti minbarra sentenza ta’ 18-il xahar ħabs poġġietu taħt garanzija ta’ 1,800 ewro għall-protezzjoni tal-vittma, f’dan il-każ is-salesgirl.