Lokali

Abela jattakka l-qrati u jinjora l-appelli ta’ omm Jean Paul Sofia

Attakk ieħor fuq il-Qrati minn naħa tal-Prim Ministru Robert Abela.

Hija din ir-reazzjoni tal-Mexxej Laburista meta mistoqsi dwar ir-raġuni għalfejn ma jridx jiftaħ inkjesta pubblika indipendenti b’rabta mal-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia li tilef ħajtu taħt it-tiġrif ta’ binja f’Kordin f’Diċembru li għadda.

It-Tnejn filgħaxija, Net News staqsa lil Robert Abela għal liema raġuni qed jibqa jwebbes rasu u jinjora l-appelli kemm tal-esperti kif ukoll tal-qraba taż-żagħżugħ ta’ 20 sena, bil-Prim Ministru jattakka lill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia għax għadha ma għalqitx l-inkjesta Maġisterjali b’rabta mal-każ.

Dan minkejja illi hu stess jaf li x-xogħol tal-Maġistrat bl-ebda mod ma jwaqqaf lill-Prim Ministru milli jsejjaħ inkjesta pubblika indipendenti bil-għan li traġedja bħal din ma terġax isseħħ.

Dan huwa l-attakk li kontinwament qiegħed jagħmel il-Prim Ministru minkejja li ta’ kull ġimgħa nisimgħu kif il-Qrati m’għandhomx biżżejjed riżorsi – tort tal-istess Gvern.

U minkejja li għaddew aktar minn 3 xhur minn din it-traġedja, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà għadu ma tkellimx dwar dak li seħħ … filwaqt li ma saru ebda arresti relatati mal-każ, bil-konsegwenza li kull min huwa suspettat bl-involviment tiegħu jinsab fil-libertà li jaħrab mill-pajjiż.

Tul dawn l-aħħar 3 xhur, il-qraba ta’ Jean Paul, partikolarment ommu – appellat lill-Prim Ministru sabiex jiftaħ l-inkjesta pubblika indipendenti, iżda jidher li dawn l-appelli qed jaqgħu fuq widnejn torox.

F’appell fuq il-midja soċjali omm Jean Paul Sofia saħqet li din mhux kwistjoni politika iżda hija insistiet li filwaqt li f’laqgħa li kellha ma’ Robert Abela hu taha raġun, xorta waħda rrifjuta li jiftaħ din l-investigazzjoni indipendenti – għal kuntrarju tal-Partit Nazzjonalista li fi kliemha stess lesti jagħtuha l-appoġġ għax qed iħoss il-polz tal-poplu. Fil-fatt, anke l-Kap tal-PN Bernard Grech sejjaħ għal inkjesta indipendenti.

Omm Jean Paul appellat – anke fuq il-midja soċjali tal-Partit Laburista – sabiex il-Prim Ministru jisma’ din il-karba ta’ omm imweġġa’. Iżda hu qed jibqa jinjoraha, kemm lilha kif ukoll lid-domandi tal-ġurnalisti.

L-omm insistiet li l-unika skop f’ħajjitha hu li ssir ġustizzja, li jkun hemm trasparenza u ssir riforma sabiex ħadd minn uliedna ma jitlef ħajtu u jħalli warajh xmara ta’ uġigħ u dulur etern.