Lokali Qorti

Barman li qal li ġie attakkat minn klijent jista’ jiffaċċa proċeduri ta’ xhieda falza

Raġel akkużat li aggredixxa barman li sostna li spiċċa imbenġel u muġugħ għal xahar tneħħa minn kull responsabbiltà kriminali filwaqt li l-allegat vittma tiegħu qed jiffaċċja prospetti li jiġi akkużat talli ħa ġurament falz. Mohamad Altuoma kien mixli waqt kawża tad-distrett tal-Qawra, dwar l-inċident, li kien seħħ fis-sigħat bikrin ħafna tas-7 ta’ Frar f’bar fi Triq l-Imrejkba, San Pawl il-Baħar.

Neil Bugeja, li dak iż-żmien kien imexxi l-istabbiliment kummerċjali, sostna li kien attakkat mill-imputat li kien tfaċċa mal-kuġin tiegħu, u insista li jiġi servut minkejja li qalulu li l-bar kien magħluq. Ftit tal-jiem qabel l-inċident, l-istess raġel kien tkeċċa mill-barman meta mar flimkien ma’ grupp ta’ ħbieb.

Il-ħbieb riedu iqajjmu l-inkwiet, xehed sussegwentement sid il-bar. Dakinhar tal-inċident, l-akkużat u l-kuġin tiegħu kienu allegatament attakkaw lilu u ħabib tiegħu li nzerta kien preżenti dak il-ħin. L-aggressjoni kienet ħallietu imbenġel ħafna, xehed l-allegata vittma, li ddeskriva kif “il-kustilji kollha tiegħu saru vjola u kellu wġigħ.”

L-akkużat għażel ukoll li jixhed fil-proċeduri, fejn ta verżjoni ferm differenti. Meta dak il-lejl talab biex jixrob fil-bar, Bugeja kien allegatament bagħtu żl hemm u tah daqqa ta’ ponn f’wiċċu. Hekk kif waqa’ għal isfel, l-allegat vittma qabad siġġu u sawwtu bih.

Wara l-inċident, Altuoma telaq dritt lejn iċ-ċentru tas-saħħa tal-Furjana minn fejn ġie dirett lejn l-Isptar Mater Dei fejn sarlu t-testijiet bl-ultrasound. Meta nħeles ftit jiem wara, ippreżenta rapport tal-Pulizija, u ċaħad li kien fis-sakra fil-ħin tal-inċident jew li kien attakka lill-barman.

Min-naħa l-oħra, taħt kontro-eżami, l-allegat vittma ċaħad li ta daqqa ta’ ponn f’wiċċ l-akkużat u tah bis-sieq fl-istonku. Bugeja qal li meta Altuoma tefa’ benketta fid-direzzjoni tiegħu, hu sempliċiment tefagħhulu lura. L-allegata vittma ma ppreżentat l-ebda evidenza, bħal X-Rays u filmati tas-CCTV.

Meta wieħed iqis il-qafas kollu tal-fatti u stqarrijiet konfliġġenti tal-partijiet, il-Qorti qieset il-verżjoni tal-akkużat aktar kredibbli. Jekk l-allegat vittma kien tassew intlaqat f’sidru bil-banketta, għaliex kien stenna tlett ijiem biex jara tabib, staqsiet il-Qorti.

Bugeja kien mar ċentru tas-saħħa biss wara li ġie avviċinat mill-Pulizija. Tabib iċċertifika li għalkemm l-allegat vittma ma kellu l-ebda sinjali viżibbli ta’ ferita, huwa kellu wġigħ meta xi ħadd imissu fuq is-sitt kustilja tax-xellug”. Għall-kuntrarju ta’ dak li kien sostna li kien imbenġel u bilkemm seta’ jiċċaqlaq għal xahar jew aktar, Bugeja ma pproduċiex evidenza ta’ dan it-tbenġil, u lanqas riżultati ta’ X-ray.

Lanqas ma ppreserva filmati CCTV ta’ matul il-lejl, u qal li kienu tħassru wara 48 siegħa. Jekk il-barman kien tassew attakkat, allura kellu l-aqwa evidenza f’idejh. Madankollu, għażel li ma jippreservaħix, osservat il-Maġistrat Charmaine Galea.

Meta qieset kollox, il-Qorti kkonkludiet li Altuoma x’aktarx ma kienx telaq mill-bar meta qallu biex jagħmel hekk, iżda emmnet li kien Bugeja li attakkah u mhux bil-maqlub. Dan kien ifisser li l-allegat vittma kien ħa ġurament falz u konsegwentement, il-Qorti ordnat li s-sentenza kellha tiġi kkomunikata lill-Kummissarju tal-Pulizija għal kull azzjoni opportuna kif xieraq. L-akkużat inħeles minn kull responsabbiltà kriminali. L-Ispettur Warren Galea mexxa l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri kienu l-avukati difensuri.