Joseph Sciberras, furnar ‘homeless’ ta’ 46 sena minn Ħaż-Żabbar inżamm arrestat wara li ġie mixli li ġibed kważi €5,000 minn kont bankarju ta’ anzjan li kien ħadu jgħix miegħu. Sciberras tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Elaine Mercieca Rizzo mill-Ispetturi Darren Buhagiar u Kurt Farrugia, akkużat b’diversi atti li jikkostitwixxu r-reat ta’ serq aggravat mill-vittma tiegħu li għandu aktar minn 80 sena, f’Jannar u Frar li għadda.
Skont l-Ispettur Darren Buhagiar, fil-21 ta’ Frar, l-għassa ta’ Ħaż-Żabbar irċeviet rapport mingħand l-anzjan vittma, li kien għamel kuntatt mal-HSBC wara li ma setax jiġbed flus kontanti minn ATM. Il-bank infurmah li kien hemm ħafna ġbid ta’ flus, u li ħallew biss madwar €5 fil-kont tiegħu, minn bilanċ preċedenti ta’ ftit inqas minn €5,000.
Ir-raġel insista mal-Pulizija li ma kienx għamel dawk it-tranżazzjonijiet. L-Ispettur Buhagiar qal lill-Qorti li r-rendikont tal-bank wera ġbid regolari mill-kont tal-HSBC tiegħu li sar f’ATM tal-BOV f’Ħaż-Żabbar, b’aktar minn €100 jiġu rtirati f’kull okkażjoni.
Il-vittma qal lill-Pulizija li hu qatt ma tilef il-card tiegħu iżda qal li kien qed iħalli raġel bla saqaf fuq rasu jgħix f’daru u issuspetta fih. Meta l-vittma kien sfida lir-raġel ‘homeless’ dwar ġbid ta’ flus mhux awtorizzat, l-imputat kien wieġeb li l-vittma kien tah il-card, qal l-Ispettur.
Sciberras wieġeb mhux ħati permezz tal-avukat tiegħu, Martin Farrugia, li nħatar mill-Qorti biex jirrappreżenta lill-imputat bħala avukat tal-għajnuna legali. L-Avukat Farrugia talab il-ħelsien mill-arrest għall-klijent tiegħu, iżda l-Ispettur Buhagiar oġġezzjona, u qal li r-raġel ma kellu l-ebda post ta’ residenza wara li tkeċċa mid-dar ta’ ommu talli seraq mingħand ħuh.
Huwa ddeskriva lil Sciberras bħala li għandu “kull vizzju, inkluż id-droga, ix-xorb, u l-logħob tal-azzard, u kien dejjem hekk għal dawn l-aħħar 20 sena.” L-Ispettur Kurt Farrugia żied mas-sottomissjonijiet tal-Prosekuzzjoni fuq il-pleġġ mitlub, u rrimarka li l-akkużat “kien approfitta mill-ospitalità ta’ anzjan ta’ qalb tajba biex jieħu flusu kollha.”
Kien hemm ukoll riskju qawwi li l-akkużat ibagħbas il-provi, hekk kif kien qal lill-Pulizija li kien jgħix ma’ ħabib f’Ħaż-Żabbar u jaħdem fil-lokalità wkoll. L-avukat difensur argumenta li “l-libertà hija ir-regola u d-detenzjoni kienet l-eċċezzjoni.” Innota wkoll li Sciberras kien speċifika post ta’ residenza.
“L-uniku argument tajjeb li ġabet il-Prosekuzzjoni kien dak tar-riskju ta’ tbagħbis tal-evidenza,” huwa qal, iżda rrimarka li l-ġbid tal-flus allegatament sar permezz ta’ card f’ATM, li jfisser li l-evidenza kollha rilevanti kienet diġà ippreservata peress li l-akkużat ma kellu ebda mod kif ibiddel ir-records tal-bank.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, wara li ħadet inkunsiderazzjoni l-gravità tar-reati li bihom ġie mixli Sciberras u l-fatt li l-vittma, li l-età tagħha hija meqjusa bħala persuna vulnerabbli fil-liġi, kien għad irid jixhed.
//= $special ?>

