Lokali

Ħadd mill-Gvern tal-Labour ma jrid jerfa’ responsabbiltà b’rabta mal-Vitals

Il-familji Maltin u Għawdxin għadhom mingħajr risposta dwar meta u saħansitra jekk il-mijiet ta’ miljuni tal-ewro li l-Gvern ta lil Vitals u Steward permezz tad-deal kundannat mill-Qorti bħala frawdolenti hux se jingħataw lura lill-poplu.

Filwaqt li fl-aħħar ġimgħatejn il-Prim Ministru Robert Abela baqa’ ma refax l-iċken responsabbilità ta’ dan l-iskandlu, u wisq inqas identifika min huwa responsabbli politikament għal din il-frodi – Abela issa qiegħed jaħrab milli jwieġeb b’mod ċar u tond meta dawn il-miljuni ta’ ewro se jiġu ritornati.

It-Tnejn filgħaxija Net News staqsa għalfejn ma bediex bil-proċeduri biex dawn il-flus jiġu ritornati. B’Abela jagħżel li jistaħba wara ż-żmien tal-appell.

Stqarrija deskritta minn bosta bħala waħda ironika hekk kif il-Gvern tal-Labour fl-aħħar 8 snin kellu diversi opportunitajiet li kienet tippermettilu l-liġi sabiex jipproteġi l-interess nazzjonali. Dan filwaqt li anke Abela innifsu seta’ jirreaġixxi u jagħmel xi ħaġa, inkluż meta hu kien konsulent tal-Kabinett immexxi mill-predeċessur tiegħu Joseph Muscat.

Iżda minflok il-Gvern tal-Labour immexxi kemm minn  Muscat kif ukoll minn Robert Abela għażel li jħares “interessi”, li għal xi raġuni lanqas il-Qorti ma setgħet tispjega. U b’kollox, f’dan id-deal, tajjru madwar €390 miljun mit-taxxi tal-poplu.

Aktar kmieni, Net News staqsa lil numru ta’ Ministri u Membri Parlamentari Laburisti dwar din il-kwistjoni fost oħrajn lill-Ministru Owen Bonnici fejn staqsejnih dwar il-fatt li l-eks Prim Minitru xeħet ir-responsabbiltà kollettiva ta’ dan kollu fuq il-Kabinett tiegħu…li Bonnici nnifsu kien membru tiegħu.

Intant il-bqija tal-membri tal-Kabinett u diversi deputati tal-Grupp Parlamentari Laburista baqgħu ifarfru milli jġorru responsabbilta dwar dan id-deal skandaluż.

Sa issa… Robert Abela ghadu ma qal assulutament xejn konkret, u ħadd ma jaf kif il-poplu se jiehu flusu lura.