Jerome Caruana Cilia, PN
Id-deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia sostna fl-Aġġornament tal-parlament li l-kuntratti frawdalenti ma’ Vitals u Steward dwar l-isptarijiet huma insult għall-poplu Malti.
Jerome Caruana Cilia qal li l-poplu tkellem fil-Belt fil-manifestazzjoni ta’ protesta u wassal messaġġ li jrid ġustizzja, li jrid il-flus misruq lura, li jrid iwarrab il-ħsieb li kollox jgħaddi u li jrid il-verità u mhux il-qerq. Hu sostna li fl-24 ta’ Frar li għadda l-poplu kellu konferma li l-poplu m’għandu jaqta’ qalbu.
Filwaqt li rringrazzja lil Adrian Delia għall-ħidma tiegħu bil-kawża li għamel, hu qal li d-deċizjoni tal-qorti dwar l-isptarijiet hi rebħa għall-poplu li tat lura l-isptarijiet lill-poplu. Din ir-rebħa hi biss il-bidu, sostna d-deputat Nazzjonalista, li qal li dan hu frodi ta’ €400 miljun.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-union tat-tobba żvelat li dan il-ftehim jiswa €390 miljun u sostna li l-pulizija għadha ma nterrogat lil ħadd. Il-Prim Ministru jgħid li ma kellu l-ebda rwol f’dan kollu u għalhekk m’għandux soluzzjonijiet biex il-poplu jieħu flusu lura.
Hu qal li kieku ma ntrebħitx il-kawża, is-serq kien ikun iktar fl-ammont ta’ €4,000 miljun minn fuq il-poplu. L-aġir frawdolenti ma waqafx hawn għaliex il-gvern għamel ftehim ta’ €100 miljun lil Steward talli m’għamlu xejn. Dan filwaqt li d-dejn tal-pajjiż laħaq €9 biljuni.
Id-deputat Nazzjonalista qal li Steward u Vitals ħallew biss bini abbandunat fl-Isptar San Luqa meta fl-aħħar budget biss il-gvern tahom €80 miljun oħra. Hu qal li l-Ministru tal-Finanzi mhu jagħmel xejn biex il-poplu jiħeu flusu lura.
Hu staqsa f’liema kontijiet u f’liema pajjiżi intbgħatu l-€400 miljun ta’ Vitals u Steward. Il-gvern irid ajgħti kont tal-flejjes li tħallsu, sostna Jerome Caruana Cilia li kkundanna lill-ex Ministru Konrad Mizzi għalll-involviment tiegħu f’dan il-ftehim. Konrad Mizzi issa sparixxa.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-poplu għandu jingħata spjega dwar is-self ta’ €36 miljun mill-BOV f’dan il-ftehim frawdalenti lil Steward. Hu appella biex il-BOV jiċċara l-pożizzjoni tiegħu wara s-sentenza tal-qorti. L-FIAU fejn hi f’dan kollu? Kien l-istess BOV li assista lill-Bank Pilatus f’numru ta’ transazzjonijiet u għalhekk il-poplu qed jistaqsu dwar kemm flushom huma żguri mal-BOV.
Il-BOV jiflaħ jitlef €36 miljun oħra wara t-telf li għamel is-sena li għaddiet? Il-gvern se joħroġ dawn is-€36 miljun u se jkun parteċipi f’din il-kullana ta’ frodi? Illum hu iktar ċar għaliex Malta kienet tpoġġiet fil-lista l-griża, sostna Jerome Caruana Cilia, li kompla li dan il-ftehim frawdalenti hi insult għall-poplu Malti, għall-ħaddiema, għal dawk li jollhom jgħaddu minn due diligence u għal dawk li jaħdmu bis-sewwa.
//= $special ?>