Lokali

Il-PN jappella lill-Gvern biex jagħti r-responsabbiltà lura lill-Kunsilli Lokali

“Hemm bżonn li nġeddu l-Kunsilli Lokali bis-serjetà tant li qed nappellaw li jinbdew l-inizzjattivi kollha li kienu ġew konklużjoni u għaddew mill-Parlament – inizjattivi li baqgħu fuq l-ixkaffa.”

Dan li ntqal waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Kelliem tal-PN għall-Gvern Lokali Darren Carabott u l-President tal-Kulleġġ Kunsilliera Lokali tal-PN, Charles Bonello, fejn issemma’ kif l-ibliet u l-irħula ta’ pajjiżna qed jintelqu kompletament wara li l-Gvern Laburista ħataf ir-responsabbiltà kollha tal-Kunsilli Lokali taħt idejh.

Darren Carabott qal illi il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar xhur kien ippubblika dokument b’46 proposta biex pajjiżna jkollu Kunsilli Lokali b’saħħithom għal lokalitajiet verament tan-nies.

Il-Kelliem għall-Gvern Lokali spjega kif it-tnaqqir serju mir-responsabbiltà tal-Kunsilli qed jirriżulta f’nuqqas serju għall-ħajja tar-residenti.

Minn naħa tiegħu, Charles Bonello spjega kif il-Gvern Laburista, flok ta lill-Kunsilli Lokali iktar poteri biex jgħaqdu bl-aħjar mod lill-Kunsilli Lokali, minflok dgħajjifhom sal-punt li ħadilhom ir-responsabbiltà kollha minn taħt idejhom.

Huwa fakkar kif il-Kunsilli mhuma ta’ ħadd ħlief tar-residenti biex il-lokalitajiet jissaħħu u n-nies jgħixu fl-aqwa ambjent.

Il-PN fakkar kif is-sitwazzjoni tal-Kunsilli Lokali preżentament hi li l-Gvern kompletament qed jinjorahom tant li qed jispiċċa jagħmel l-oppost għal dawk li huma l-bżonnijiet tar-residenti.