Lokali Parlament

It-tfal għandhom dritt għall-imħabba, għal familja u għall-aqwa ambjent

Graziella Attard Previ, PN

Id-deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ sostniet li t-tfal għandhom dritt għall-imħabba, għall-familja u għall-aqwa ambjent.

Meta kienet qed titkellem fil-parlament Graziella Attard Previ qalet li t-tfal kollha għandhom dritt għall-familja tagħhom; tkun ta’ liema struttura tkun sakemm din tkun toffri imħabba u l-aqwa ambjent. Hi tkellmet dwar il-kuntatt mal-ġenituri u sostniet li dan għandu dejjem jinżamm sakemm dan ma jkunx ta’ detriment għat-tfal.

L-akbar diffikultajiet għat-tfal huma s-separazzjonijiet u jrid ikun ikkunsidrat li f’Malta hawn medja ta’ erba’ separazzjonijiet kuljum.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li dan qed iġib faqar soċjali li jweġġa’ iktar mill-faqar materjali u sostniet li din ir-realtà qed ikollha riperkussjonijiet fuq it-tfal. Hanw separazzjonijiet ta’ koppji li m’humiex miżżewġin; liema sitwazzjoni toħloq diffikultajiet ikbar. It-tfal m’għandhomx jispiċċaw vittmi ta’ deċiżjonijiet li m’humiex tagħhom.

Hi sostniet it-tal għandhom igawdu liż-żewġ ġenituri waqt li l-ġenituri jingħataw drititjiet ekwi biex jaraw lil uliedhom. Id-deputat Nazzjonalista tkellmet dwar l-istandards u qalet li t-tfal għandhom dritt għall-aqwa kura ta’ saħħa, ilma, ħwejjeġ, elettriku u akkomodazzjoni sigura. Il-gevrn hu responsabbli biex jgħin lit-tfal biex dawn qatt ma jbatu.

Graziella Attard Previ qalet li hawn ukoll tfal li ma jistgħux jgħixu mal-ġenituri minħabba abbużi minn xi ġenitur jew traskuraġni mill-ġenituri. Hi rrikonoxxiet il-ħidma tas-social workers u qalet li dawn hua l-professjonisti mħarrġa f’dan is-settur.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-każi ta’ traskuraġni jeħtieġ azzjoni diretta u effettiva u kompliet li t-tfal fejn jgħixu fi vjolenza domestika ġġib tbatija fuqhom. Dawn it-tfal ikun trawmatizzati u mbeżża’ u meta jirbħu jistgħu jimitaw dak li raw bil-konsegwenza li jistgħu jsiru vjolenti.

Graziella Attard Previ sostniet li jeżistu każi ta’ tfal li kienu adottati iżda issa l-ġenituri ma jriduhomx u abbandunawhom. Hi kompliet li l-liġijiet li jipproteġu lit-tfal iridu jkunu dejjem robusti u jassiguraw l-interess tal-minuri u mhux tal-adulti. Improtanti li jkuna ċċertat li ma jseħħux każi bħal dawn.

Dwar il-faqar, Attard Previ qalet li hawn tfal li qed jgħixu f’riskju ta’ faqar. Skont il-Eurostat kważi 23% tat-tfal Maltin u Għawdxin huma f’riskju ta’ faqar għaliex dawn jammontaw għal tifel u tifla minn kull erba’. Il-faqar irid ikun indirizzat għaliex it-tfal li jitrabbew fil-faqar ikun diffiċli għalihom biex joħorġu minnu u meta jikbru jrabbu lil uliedhom fl-istess mod.

It-tfal li jaġixxu ma’ ġenitur wieħed jinsabu f’riskju ikbar, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li tkellmet dwar iċ-Ċentru Terapewtiku u Sigur. Il-liġi tipeċifika li għandu jitwaqqaf dan iċ-ċentru biex ċertu tfal b’diffikultajiet jinżammu f’dan iċ-Ċentru biex jirritornaw fis-soċjetà b’mod riformat.

Il-Gvern qed jgħid biss li l-intenzjoni tal-gvern hi li jsir dan iċ-Ċentru. Fin-nuqqas ta’ dan iċ-Ċentru hemm tfal li qed ibatu u qed ikollhom anki trawma. Hi appellat biex il-problemi ta’ tarwma jkunu trattati b’mod immedjat.

Graziella Attard Previ tkellmet dwar il-ħaddiema soċjali u enfażizzat l-importanza tat-taħriġ minħabba r-responsabbiltajiet tad-deċiżjonijiet meħuda. Hi sostniet li hemm diversi ċirkostanzi ta’ vulnerabbiltà tat-tfal li jkollhom bżonn il-protezzjoni tal-kbar. Il-ħaddiema soċali għandhom jaħdmu ħafna f’ċirkostanzi partikolari u għalhekk ħaddiema b’inqas taħriġ m’għandhomx ikunu aċċettati li jwettqu ċertu impenji.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li jeħtieġ l-livell ta’ taħriġ jgħola u mhux jonqos u appellat biex ikun hemm inċentivi biex l-istudenti jgħażlu s-settur soċjali bħala l-karriera tagħhom. Hi sellmet lill-edukaturi li huma impenjati mat-tfal u appellat biex it-tfulija verament tkun l-isbaħ żmien fil-ħajja tal-bniedem.