Lokali Qorti

Kollega ta’ uffiċjal ta’ TM mixli b’fastidju jgħid li sieħbu kien “ossessjonat” fuq l-allegata vittma

“Ossessjonat” huwa kif xhud tal-Qorti ddeskriva uffiċjal ta’ Transport Malta akkużat li ta fastidju lil waħda mill-kollegi tiegħu nisa. Albert Mark Sammut, Manager ta’ Transport Malta, kien ix-xhud prinċipali hekk kif il-Maġistrat Astrid May Grima kompliet tisma’ l-provi fil-konfront ta’ Clifford Micallef ta’ 49 sena minn Ħad-Dingli li jaħdem bħala ‘executive.

Mistoqsi kif kien jaf lill-imputat, Sammut qal li kien ħadem miegħu fl-Uffiċċju tas-Sigurtà tal-Port fi Transport Malta f’Ħal Lija lejn l-aħħar tal-2021. “Innutajt li s-Sur Micallef kien ossessjonat. “Hu kien ossessjonat bil-mara,” kompla jgħid x-xhud.

“Fit-tmien sigħat li kont nqatta’ naħdem miegħu kien il-ħin kollu jsemmi isimha.” Ix-xhud irrakkonta li l-akkużat kien jirrakkontalu stejjer, li “jmur magħha ’l hawn u ’l hemm”, li jimplika li Micallef kien ikollu inkontri sesswali mal-allegata vittma.

Il-Qorti staqsiet lix-xhud jekk qattx ra xi ħaġa li tissuġġerixxi li dan kien minnu. “Le,” hu wieġeb. Sammut qal li kien ikun fil-karozza ta’ Micallef kultant biex jagħmel spezzjonijiet. “Darba spiċċajna fi triq f’Ħal Tarxien. Staqsejtu ‘x’qed nagħmlu hawn?’, u qalli li kienet tgħix hemm. Jien kont għedt ‘għaliex għandu jimpurtani?’”

F’ġurnata oħra, Micallef kien saq lix-xhud f’ħanut ta’ Birkirkara fejn il-mara kienet taħdem part-time, u beda jfittixha. Waqt li kien qed iwieġeb mistoqsija li saritlu mill-avukat parte civile Marita Pace Dimech, ix-xhud fakkar kif, waqt dak is-sewqan, Micallef kien irrimarkalu l-post ta’ parkeġġ regolari tal-mara.

It-tielet darba li Sammut kien sab ruħu miegħu u li għal darba oħra beda jfittex lil mara,hu kien qal lil Micallef biex ma jerġax jagħmel dan, u stqarr li ma riedx jinvolvi ruħu f’dak kollu li jkun qed jiġri. “Qalli ‘tinkwetax, għandi ħafna influwenza mal-Ministru u maċ-chief of staff.’

Ġurnata minnhom saħansitra urieni konverżazzjoni ma’ Ian Borg u Jesmond Zammit fuq il-mowbajl tiegħu.” Mistoqsi kif il-mara kienet se tirreaġixxi għall-attenzjoni ta’ Micallef, hu qal li kienet tinjorah u timbuttah fis-sens li ma tridx affari miegħu.

Meta Sammut kien jirritorna mil-leave, il-mara allegata vittma kienet tgħidlu li Micallef kien “qatta’ ġurnata sħiħa fl-uffiċċju tagħha”. F’April ta’ wara, qal Sammut, kien ħa d-deċiżjoni li jgħid lis-superjur tiegħu li ma jridx jaħdem aktar mal-imputat. Huwa qal li l-imġieba ossessiva kienet waħda minn diversi raġunijiet.

“Jien kont ħabib tiegħu u kont ngħidlu biex ma jagħmilx affarijiet stupidi u ngħidlu li kellu mara u tfal. Kont ngħidlu ‘m’għandekx bżonn dan l-inkwiet. Biex nieqaf naħdem miegħu, tkellimt mas-superjur tiegħi, il-Professur David Attard, u ttrasferixxini.” ż

F’Ġunju 2022 id-Direttur tad-dipartiment fejn kienet taħdem il-mara, Jesmond Grima, kien bagħat għax-xhud u staqsieh dwar il-ħinijiet tiegħu. Sammut qal li wieġeb li kienu jaħdmu mit-Tnejn sal-Ġimgħa. “Mela tista’ tgħidli x’qed jagħmel Clifford is-Sibt u l-Ħadd fil-portijiet u jdur madwar kafetteriji fl-inħawi?” staqsih Grima.

Sammut xehed li l-Profesur Attard kien qallu li ma riedx li Micallef jaħdem fl-inħawi tal-port tal-Marsa, fejn kienet taħdem l-allegata vittma. Attard kien lemaħ ix-xhud barra laqgħa li kien fiha Attard. “Hu qalli ‘jekk għandek kuntatt mal-mara, wissiha li Clifford kien għadu kif qalli li jrid jitfagħha minn fuq irdum.”

Meta wieġeb għal mistoqsija ta’ Zerafa, Sammut ikkonferma li l-imputat kien jgħidlu li l-mara “kienet isehwih bil-karozza tagħha, taqbżu u tieħu ritratti tiegħu.” “Meta qal dan, bdejt nidħaq u għedtlu li l-mara lanqas għandha ħin biex tiekol fuq ix-xogħol.” Il-każ ikompli f’April.