Fi stqarrija maħruġa mill-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa, il-President Doreen Borg Zammit, saħqet li l-avvanz rapidu fid-dinja teknoloġika ħoloq sfidi ġodda għan-nisa kemm fin-negozju kif ukoll fl-impjiegi. In-negozji mmexxija min-nisa jistgħu jiġu affettwati b’mod akut minħabba d-differenza mifruxa fil-ħiliet ibbażata fuq is-sessi fir-rigward tal-għarfien diġitali.
In-nuqqas ta’ ħiliet diġitali se jkollu wkoll riperkussjonijiet fit-tul fuq il-futur tan-nisa fuq l-iżviluppi li dejjem qed jiżdiedu ta’ forom ġodda ta’ xogħol u karrieri li jeħtieġu ħiliet diġitali. Għalkemm 60% tal-istudenti universitarji u perċentwal għoli preżenti fl-MCAST huma pożittivi, ħafna mill-istudenti nisa mhumiex isegwu suġġetti tax-Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika.
L-impjiegi b’pagi għoljin, tal-lum –il ġurnata u tal-futur, essenzjali f’dawn is-setturi l-ġodda, se jkomplu jżidu d-differenza bejn is-sessi. In-nisa f’impjiegi b’pagi baxxi se jkollhom possibbiltà anqas li jiksbu pożizzjonijiet maniġerjali u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-post tax-xogħol tagħhom. Dan possibilment jaffettwa s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom, l-impjieg attwali tagħhom u eventwalment il-pensjonijiet tagħhom.
Bħalissa l-irġiel ġeneralment qed ikollhom aċċess aħjar għall-għodod diġitali u għalhekk għarfien aħjar tal-ħiliet diġitali. Hemm bżonn urġenti li jiġi żgurat li tfajliet żgħar minn età żgħira jkunu esposti għall-vantaġġi tas-suġġetti STEM (ix-Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika), iżda mhux biss. L-illitteriżmu diġitali, aktar preżenti fost in-nisa ta’ kull età jitlob riformi fil-programmi edukattivi u ta’ taħriġ vokazzjonali speċifikament għan-nisa sabiex jinkludu ħiliet diġitali vitali għas-suq tax-xogħol futur tagħhom.
It-tranżizzjoni diġitali qed taffettwa kull aspett tal-ħajja li huwa kruċjali għall-utenti, speċjalment in-nisa biex jiksbu ħajjiet aktar sodisfaċenti.
Nisa ta’ kull età qed isofru l-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ tħejjija adegwata għall-futur tagħhom f’ħafna modi. In-nuqqas ta’ strutturi li jippermettulhom ilaħħqu mal-ħajja personali tagħhom qed jirriżulta fin-nuqqas ta’ ħiliet tagħhom u fl-inkapaċità tagħhom li jevitaw u jlaħħqu mal-abbuż miż-żieda tal-vjolenza inkluża mill-imsieħba tagħhom, li qed taffettwa wkoll b’mod negattiv il-ħajja tal-familja speċjalment għal uliedhom, kemm subien kif ukoll bniet.
Ix-xogħol siewi mwettqa mill-organizzazzjonijiet tan-nisa mhux biżżejjed. Il-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa ta’ Malta jħeġġeġ lis-Sistema Edukattiva f’Malta biex tagħti prijorità lil dawn id-differenzi bejn is-sessi f’numru ta’ modi:
- L-eliminazzjoni tad-differenza diġitali bejn is-sessi billi tipprovdi lin-nisa u l-bniet b’ħiliet diġitali kritiċi;
- L-indirizzar tal-istereotipi tas-sessi relatati man-nisa fl-oqsma u l-karrieri xjentifiċi u teknoloġiċi;
- L-adattament tal-għarfien teknoloġiku u l-innovazzjoni għar-realtajiet u l-ħtiġijiet tan-nisa sabiex titkompla l-qerda tal-faqar, u biex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħhom.
- L-integrazzjoni tas-sessi fl-analiżi tar-riċerka xjentifika u l-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku;
- It-teħid ta’ miżuri xierqa biex jappoġġja r-reklutaġġ, l-avvanz u ż-żamma tan-nisa u l-bniet fl-oqsma tal-innovazzjoni u t-teknoloġija permezz ta’ kriterji trasparenti li jwasslu għall-inklużjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.
Permezz ta’ azzjonijiet bħal dawn, il-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa jappoġġa n-Nazzjonijiet Uniti Nisa lejn il-kisba tal-għanijiet importanti tiegħu, u jingħaqad mal-“Koalizzjoni ta’ Azzjoni dwar it-Teknoloġija u l-Innovazzjoni għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi”, li għandha l-għan li tirdoppja sal-2026, il-proporzjon ta’ nisa li jaħdmu f’dawn l-oqsma vitali, biex b’hekk titnaqqas il-firda diġitali attwali bejn is-sessi.
//= $special ?>