Lokali Qorti

Mhux ħati li kkaġuna feriti gravi fuq il-maħbub t’oħtu

Raġel ta’ 37 sena residenti l-Fgura ma nstabx ħati li kkaġuna ġrieħi gravi lill-maħbub t’oħtu li rriżulta li tilef il-kontroll fuqu nnifsu meta xorob l-alkoħol u ħa xi pirmli tad-dipressjoni. Abdul Aziz Tarhuni ma nstabx ħati li jumejn qabel il-Milied tal-2018, f’appartament il-Fgura stess, ħebb għal raġel u kkaġunalu ġrieħi gravi. Il-każ seħħ għall-ħabta tas-7pm.

Mill-provi li tressqu quddiem il-Maġistrat Nadine Lia rriżulta li l-allegat vittma beda jħossu ħażin wara li ħa xi pirmli u xorob l-alkoħol. Tant tilef il-kontroll tiegħu nnifsu, u saħansitra beda jigdem u jħebb għall-qraba, li sfaw kostretti jċemplu għall-Pulizija li mal-wasla tagħhom fuq il-post spiċċaw immanettjawh.

L-allegat vittma weġġa’ waqt li l-qraba pprovaw jikkontrollawh. Ħadd mill-qraba ma qal li kien l-akkużat li mbuttah u weġġgħu f’għajnejh bil-vittma stess jgħid li ma jiftakar xejn. Fl-istqarrija lill-Pulizija l-akkużat qal li huwa ma instiga ebda ġlieda mal-qarib tiegħu u kien qed jipprova biss jikkalmah għax attakka u gidem lil oħtu.

l-imputat Tarhuni qal fil-Qorti li dakinnhar kienu ġewwa flimkien jitkellmu u jixorbu u f’daqqa wahda l-allegat vittma sar aggressiv u beda jiġġieled magħhom ghal ebda raguni. Illi sforz ta’ dan l-aġir kien hemm bzonn li jiġu l-Pulizija sabiex jikkontrollawh. Il-Maġistrat Lia kkonkludiet li l-akkużat ma kienx ħati tal-akkuża miġjuba kontrih u lliberatu. L-Ispettur Hubert Cini mexxa l-Prosekuzzjoni.