Mara ta’ 47 sena minn Ħal Għaxaq li f’diversi casino’s lagħbet aktar minn €200,000 waqt li kienet għaddejja bil-benefiċċji soċjali u naqset milli tiddikjara l-qligħ tagħha bħala ‘fortune teller’, kellha s-sentenza sospiża u l-multa tagħha konvertita fi tliet snin u sitt xur ħabs effettiva fl-appell li sar mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, dan wara li nstabet ħatja li wettqet frodi fil-konfront tal-Gvern.
L-investigazzjonijiet kriminali kontra l-mara, li isimha ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, bdew wara li l-Pulizija rċeviet informazzjoni kunfidenzjali fl-2020 dwar il-logħob tal-azzard tagħha fil-casinos f’Malta. Minn stħarriġ li għamlu rriżulta li l-mara kienet tonfoq somom kbar ta’ flus, ferm lil hinn mid-dħul li ddikjarat għal skopijiet ta’ taxxa.
Dan ukoll li minn spezzjoni li saret, l-aħħar kienet irreġistrata bħala impjegata kien 15 sena ilu, fejn kienet tkeċċiet minn dak l-impieg wara li allegatament serqet ċekkijiet fuq il-post tax-xogħol. Dik l-allegazzjoni wasslet għal proċedimenti kriminali separati.
Fl-2009, il-mara irreġistrat bħala ‘solo trader’ mad-dipartiment tal-VAT u waqqfet negozju bħala ‘fortune teller’. Fil-frattemp, hija għexet f’akkomodazzjoni tal-Gvern u applikat għall-benefiċċji soċjali. Irċeviet mill-GVern total ta’ €35,123.30 fl-2008, 2009, 2012 u mill-2014 sal-2021, meta ddikjarat li ma kellhiex xogħol minħabba l-kundizzjoni medika tagħha.
Hi qalet li kienet ukoll omm ta’ tfal li kienu għadhom minorenni. Madankollu, l-investigazzjonijiet tal-Pulizija wrew li kienet lagħbet aktar minn €200,000 bejn l-2009 u l-2020, bil-ħlasijiet ikunu l-aktar fi flus kontanti. L-ammonti ma kinux jaqblu mad-dħul iddikjarat tagħha bil-kbir.
Hija kienet qed tiġi akkużata wkoll li wara li waqqfet in-negozju tagħha bħala “fortune teller” ħames snin ilu, naqset milli tiddikjara d-dħul, u b’hekk iffrodat il-kaxxa ta’ Malta. Sussegwentement il-mara ġiet akkużata b’misapproprjazzjoni, frodi u ħasil ta’ flus kif ukoll li kisret diversi sentenzi tal-Qorti u li saret reċediva.
Is-sena l-oħra kienet instabet ħatja u kundannata sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin kif ukoll multa ta’ €28,000, minbarra li tilfet garanzija ta’ €4,000 u l-konfiska tal-proprjetà kollha tagħha. Hi ġiet ordnata wkoll tħallas €1,053.98 fi spejjeż ta’ esperti tal-Qorti.
L-Appell għal dik id-deċiżjoni sar għal diversi raġunijiet li kienu ġew parzjalment milqugħa, u b’hekk irriżulta f’żieda fil-piena. Il-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Edwina Grima, sabet lill-akkużat ħatja li kisret sentenzi preċedenti u wkoll li saret reċediva.
Il-Qorti tal-Maġistrati ma kinitx sabitha ħatha tar-reċidiva minħabba li l-Prosekuzzjoni naqset milli tipprova biżżejjed id-dati eżatti meta sentenzi preċedenti tal-Qorti kienu allegatament inkisru minnha. Madankollu l-Avukat Ġenerali sostna li hi kienet ammettiet akkużi fuq ħasil ta’ flus, misapproprjazzjoni u frodi wara li l-Prosekuzzjoni kienet temmet l-istadju tal-provi tagħha.
Il-kondotta kriminali tagħha wriet li għalkemm kienet ingħatat diversi ċansijiet biex tbiddel l-istil ta’ ħajja tagħha, hi baqgħet tikser il-liġi għad-detriment ta’ numru ta’ persuni li spiċċaw vittmi tal-aġir frawdolenti tagħha, osservat l-Imħallef. Ir-reati li dwarhom kienet irreġistrat ammissjoni saru bejn l-2012 u l-2021 u dan kien ifisser li l-mara kienet saret reċediva.
Peress li kienet ħatja ta’ reċidiva, qatt ma setgħet tingħata sentenza sospiża, osserva l-Imħallef Grima. Meta tqies kollox il-Qorti kkonfermat il-kundanna, iżda minflok is-sentenza sospiża u l-multa, ikkundannat lill-akkużat għal sentejn ħabs effettivi.
Il-Qorti żiedet ukoll terminu ieħor ta’ sena u nofs, għal akkużi separati li fuqhom l-akkużat kien ingħata kondizzjonaliment fl-2015. L-akkużata nstabet ħatja wkoll ta’ tliet akkużi oħra relatati ma’ ksur ta’ sentenza oħra sospiża, ordni ta’ probation u ħelsien kondizzjonali li għalihom kellha tiffaċċja aktar sentenza quddiem il-Qrati tal-Maġistrati.
Filwaqt li tat tliet snin u nofs priġunerija effettiva, il-Qorti rrakkomandat li d-Direttur tal-ħabsijiet kellu jagħti lill-akkużata l-għajnuna kollha meħtieġa fid-dawl tal-kundizzjoni mentali tagħha. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Joseph Scerri filwaqt li għal mara deher l-Avukat Jonathan De Maria.
//= $special ?>

