“Huwa importanti li kull ħaddiem f’pajjiżna jkollu d-dinjità u l-protezzjoni li tixraqlu.”
L-importanza li jissaħħu l-kundizzjonijiet tax-xogħol f’pajjiżna kienet diskussa f’laqgħa li saret it-Tlieta filgħodu bejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech u s-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union, Josef Bugeja.
F’kummenti lil Net News fi tmiem din il-laqgħa, il-Kap tal-PN wiegħed li l-Partit Nazzjonalista mhux se jieqaf jaħdem biex jassigura li jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ kull ħaddiem f’pajjiżna.
Minn naħa tiegħu, Josef Bugeja semma’ diversi kwistjonijiet li ta’ kuljum jitqajjmu mill-membri tagħhom… fosthom il-biża’ ta’ bosta ħaddiema u l-familji dwar jekk il-persuna hix se tkun qed tmur lura d-dar wara ġurnata xogħol. Dan fid-dawl tad-diversi inċidenti li seħħew fl-aħħar xhur.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU saħaq li la darba pajjiżna jaħdem favur il-ġid tal-ħaddiema, dan ikun ifisser li nkunu qed intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin.
Preżenti għal-laqgħa mal-GWU kien hemm il-Kelliem Nazzjonalista għas-settur tax-Xogħol, Ivan Castillo u l-Kelliem Nazzjonalista għal-livell ta’ Għixien aħjar, Albert Buttigieg.
