Sodisfazzjon u apprezzament minn numru kbir ta’ persuni li attendew il-coffee morning organizzat mill-PN, fejn spikka il-kliem ta’ tifħir għax-xogħol siewi li qed isir mill-Partit Nazzjonalista biex id-demokrazija u s-sewwa jirrenjaw f’pajjiżna.
Preżenti għal din l-attività soċjali kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech flimkien ma’ martu AnnMarie u s-Segretarju Ġenerali, Michael Piccinino.
F’messaġġ indirizzat lejn dawk preżenti…Bernard Grech saħaq li minkejja li l-kawżi fil-Qorti dwar il-Vitals u l-PBS intrebħu, il-Partit Nazzjonalista ma jistax jieqaf hawn biex jiġġieled il-korruzzjoni tal-kriminali li ħakmu lill-Gvern. Huwa fakkar kif dawk li qed imexxu lil pajjiżna qatt ma kellhom skop li jmexxu lil Malta ‘l quddiem iżda biex jisirqu lil poplu.
Il-Kap tal-PN irrikonoxxa l-fatt li partit magħqud qed iwassal biex iktar nies jgħarfu x-xogħol siewi li qed jagħmel tant li waqt din l-attività wieħed seta’ jara anke uċuh ġodda.
Minn naħa ta’ dawk preżenti, huma rringrazzjaw lil Bernard Grech u lil dawk kollha fi ħdan il-Partit għax-xogħol li qed isir; ħidma li hi tkomplija fuq dak li bdew Simon Busuttil u Adrian Delia fl-aħħar snin.
Bernard Grech fakkar ukoll kif l-enerġija tan-nies twassal għall-enerġija fi ħdan il-Partit stess…biex jitkompla x-xogħol importanti li qed isir mill-Grupp Parlamentari kollu.