Internazzjonali

Zelensky jwiegħed ġustizzja wara l-qtil ta’ suldat Ukren

“Determinati li nsibu l-qattiela”.

Hekk stqarr il-President Ukren Volodomyr Zelensky ftit tas-sigħat biss wara li fuq l-internet beda jinxtered filmat juri suldat Ukren mhux armat jiġi maqtul min forzi Russi – kiesaħ u biered.

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ukren Dmytro Kuleba sejjaħ għal investigazzjoni immedjata mingħand il-Qorti kriminali internazzjonali, u insista li dan il-filmat hu evidenza li l-atti Russi huma ugwali għal ġenoċidju. Il-Kremlin minn naħa tiegħu qed jibqa’ jiċħad dawn l-akkużi serjissimi.

Fil-filmat is-suldat deher ipejjep sigarett, u ftit qabel ma ġie maqtul instema’ jgħajat “glorja lil Ukrajna”. Imbghad, suldat Russu nstema jgħajjat “mut” qabel ma sparalu.

Jidher li s-suldat kien maħtuf mir-Russi bħala prigunier tal-gwerra.

Issa, dan is-suldat Ukren sar simbolu ta’ eroj għaċ-ċittadini Ukreni. Hu ġie identifikat bħala Tymofiy Shadura, u kien ilu nieqes mit-3 ta’ Frar.

Il-qattiela tiegħu fl-ebda ħin ma jidhru fil-video li ġie illikjat online. U aġenziji internazzjonali ma setgħux jivverifikaw is-sors tal-filmat b’mod indipendenti.

Intant, tul il-jum sar magħruf li aktar pajjiżi se jibqgħu jappoġjaw lill-Kiev fuq livell militari. Bil-Polonja tikkonferma li din il-ġimgħa se tibgħat 10 tankijiet tal-gwerra lill-armata ta’ Zelensky. Fi żviluppi oħra, il-Gvern Russu tefa’ il-ħabs lil wieħed mill-esponenti ewlenin tal-Oppożizzjoni. Il-blogger Dmitry Ivanov ġie kundannat 8 snin priġunerija. Hu kien akkużat li xerred miż-informazzjoni fuq l-armata Russa.