Lokali

Abela jikkonferma li ma jridx li ssir inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia

Tasal il-konferma minn fomm il-Prim Ministru illi fi kliemu stess ikkonferma li ma jridx li ssir inkjesta pubblika u  jmur kontra dak li trid il-familja taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia.

Il-Prim Ministru għadu ma jridx jgħid x’qed ibeżżgħu milli jsejjaħ inkjesta pubblika dwar il-mewt taz-zagħżugħ Jean Paul Sofia. Dan hekk kif dalgħodu stess ikkonferma li ma jridx akkost ta’ kollox li ssir din l-inkjesta.

Jean Paul Sofia tilef ħajtu tliet xhur ilu f’inċident traġiku f’sit ta’ kostruzzjoni f’Kordin… u s’issa kważi mitt jum wara… ħadd għadu ma tressaq quddiem il-ġustizzja biex jieħu responsabbiltà għal dak li seħħ.

Bil-Prim Ministru jerġa’ jattakka lill-Maġistrat, u jwaħħal fiha għal dan id-dewmien kollu, meta fil-verità n-nuqqas ta’ riżorsi għall-Qrati huwa kollu riżultat tan-nuqqas ta’ sostenn minn naħa tal-Gvern.

Ikkonfrontat mill-mistoqsijiet tal-ġurnalisti… Abela reġa’ saħaq illi hu ma jridx isejjaħ inkjesta pubblika.

Filwaqt li llum il-Gvern qed jitkellem kontra Inkjesta Pubblika, ma użax l-istess raġunament fil-każ riċenti ta’ Bernice Cassar – inkjesta pubblika illi għadha kif kixfet in-nuqqas kbir ta’ riżorsi li għandu l-Korp tal-Pulizija.