Il-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo u d-Direttur Artistiku tal-MTA Lionel Gerada QED Ikomplu jħawru l-borma flimkien …u issa donnu se jingħaqad magħhom id-Deputat Mexxej Laburista Daniel Micallef, bl-MTA qed tistenna l-approvazzjoni ta’ €117,000 f’direct order li anki ġiet ippubblikata fil-gazzetta tal-Gvern fit-3 ta’ Marzu; flus li se jmorru biex issir ir-riġenerazzjoni tal-Pjazza ta’ Buġibba.
Kollox qed jindika li dan it-tender se jingħata lil XYZ Architecture & Design illi wieħed mit-tliet partners tal-kumpanija huwa Daniel Micallef.
Primarjament ir-riġenerazzjoni tal-Pjazza ta’ Buġibba kellha tkun lesta fis-sena 2022 bix-xogħol iżda għadu ma bediex.
Dawn il-manuvri mill-qalba tal-MTA ilhom is-snin għaddejin. U fl-istejjer kollha, dejjem kien imsemmi Lionel Gerada.
Il-Ministru Clayton Bartolo fl-aħħar xhur kien wiegħed li kien se jieħu passi fil-konfront ta’ Gerada wara li nqabad li flimkien ma’ impjegati oħra kien ibbukkja mingħajr permess kmamar lussużi f’lukanda għal ġimagħtejn tal-festi tal-Milied tal-2021….bi flus l-awtorità..ċioè mit-taxxi tal-poplu.
Madanakollu, sorsi li tkellmu ma’ Net News spjegaw li Gerada xorta waħda baqa’ jitqies bħala l-factotum tal-avvenimenti tal-MTA tant hu hekk li minn Head of Events huwa tmexxa għal pożizzjoni ta’ Direttur Artistiku.
Issa kollox qed jindika li l-ħallata balata se tkompli, u li magħhom se jkun qed jingħaqad id-Deputat Mexxej Laburista Daniel Micallef.
//= $special ?>