Lokali

“Għandna niċċelebraw il-kisbiet tal-mara matul is-snin” – Life Network Foundation

“F’ġurnata speċjali bħal din għandna niċċelebraw il-kisbiet tal-mara matul is-snin iżda għandna nżommu f’moħħna fejn għadha trid tasal il-mara fil-futur.”

Dan kien il-qofol tal-messaġġ li twassal f’konferenza organizzata minn Life Network Foundation bl-isem Il-Mara Illum fl-okkazjoni ta’ Jum il-Mara.

Waqt numru ta’ diskussjonjiet li saru ntqal li għalkemm sar ħafna progress fil-konfront tal-mara iżda din xorta għadha taffaċċja ħafna sfidi fil-ħajja ta’ kuljum. Barra minn hekk huwa importanti li l-liġijiet ikunu mfassla wkoll sabiex iħarsu lin-nisa.

Waqt din il-konferenza, il-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca appellat sabiex ilkoll flimkien inkunu vuċi waħda għal dawk li jinsabu għaddejjin minn ċerti tbatijiet fosthom il-persuni l-iktar vulnerabbli, l-emigranti kif ukoll dawk li jaffaċċjaw vjolenza domestika.

Net News tkellem mal-Kap Eżekuttiv ta’ Life Network Foundation Miriam Sciberras li spjegat aktar għalfejn Jum Il-Mara hija ġurnata importanti. Hija qalet li kienet opportunita sabiħa li tkellmer ma’ nisa li kisbu kull suċċess li xtaqu f’ħajjithom. Barra minn hekk, huma tkellmu fuq sfidi li jintaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum.

Miriam Sciberras qalet li għalkemm sar ħafna progress matul is-snin hemm bżonn aktar kampanji edukattivi sabiex ikun hawn aktar rispett bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll jonqsu l-istereotipi li sfortunatament għadhom jeżistu.

Waqt din il-konferenza twassal messaġġ li f’jum bħal dan għandna niċċelebraw dik il-mara li żżomm bilanċ bejn il-karriera u l-familja, niċċelebraw il-mara li tikseb kull suċċess f’ħajjitha kif ukoll niċċelebraw il-mara li tagħmel minn kollox għal uliedha.

Preżenti għal din il-konferenza kien hemm preżenti l-mara tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista AnnMarie Grech.