Lokali

Għoxrin sena minn meta l-poplu Malti vvota ‘IVA’ għad-dħul ta’ pajjiżna fl-UE

Għoxrin sena ilu, fit-8 ta’ Marzu tal-2003, il-poplu Malti u Ghawdxi vvota favur is-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea – bidu ta’ era politika ġdida għall-pajjiż, li permezz tagħha, il-poplu Malti kiseb benefiċċji kbar, fil-forma ta’ fondi u inizjattivi mill-Unjoni Ewropea.

Ir-riżultat tar-referendum kien rebħa mhux biss ghal dawk favur is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, iżda għall-ġenerazzjonijiet futuri. Referendum li fih ivvutaw total ta’ 91 fil-mija, li minnhom kważi 54 fil-mija vvutaw favur, u ftit aktar minn 46 fil-mija kontra.

Dan ir-rizultat tar-referendum kien issigillat meta fit-12 t’April tal-istess sena, f’elezzjoni msejha ftit jiem biss wara r-referendum, aktar minn 51% tal-Maltin ivvutaw biex il-Partit Nazzjonalista jibqa’ fil-Gvern. L-elezzjoni saret 4 ijiem qabel mal-Prim Ministru Eddie Fenech Adami mar Ateni biex jiffirma t-trattat tas-shubija f’isem Malta – għalkemm is-sħubija uffiċjali saret sena wara; fl-1 ta’ Mejju tal-2004.

Il-Partit Nazzjonalista minn dejjem kellu viżjoni li jara lil Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea… mal-aktar blokk ekonomiku b’saħħtu. Tant li l-eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami fi Frar tal-1979 kien ressaq mozzjoni fl-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista biex il-partit jaqbad it-triq lejn is-sħubija.

Minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna, f’dawn l-aħħar għoxrin sena ta’ sħubija Malta kkontribwixxiet b’mod mill-iktar tajjeb u għamlet differenza fid-diversi livelli tal-istituzzjonijiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Xhieda ta’ dan hija li waħda mill-iktar karigi għoljin fl-Unjoni Ewropea.. dik ta’ President, tokkupaha l-MEP Nazzjonalista Roberta Metsola.

F’dawn is-snin, Malta gawdiet minn numru kbir ta’ fondi Ewropej grazzi għall-ħidma sfiqa ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti mmexxija mill-eks Prim Ministri Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi; fondi li pajjiżna għadu jgawdi sal-lum.