L-Uffiċjali tal-Punent qed jikkalkulaw li fil-ġlied ta’ Bakhmut inqatlu u ndarbu bejn 20,000 u 30,000 suldat Russu. Dan mindu bdiet il-battalja għall-kontroll ta’ din il-belt Ukrena matul is-sajf, bl-uffiċjali jaqblu li n-natura tal-battalja u l-prezz f’ħajja mitlufa huma ‘sproporzjonati’ għall-veru sinifikat strateġiku ta’ Bakhmut.
Ir-Russi qed jitilfu l-mijiet tas-suldati kuljum f’Bakhmut u — wara ‘il fuq minn sitt xhur ta’ ġlied intensiv ‘simili għall-battalji wiċċ-imb-wiċċ’ li karatterizzaw l-Ewwel Gwerra Dinjij’ — il-futur tal-belt għadu mdendel minkejja l-avvanzi tal-Armata Russa, megħjuna mill-merċenarji tal-Grupp Wagner.
Illum, f’Bakhmut – li tinsab fir-reġjun tad-Donbas – fadal biss għaxra fil-mija tal-popolazzjoni oriġinali, b’din il-belt tinbidel f’art ta’ ħadd fejn jiddominaw munzelli tar-radam li darba kienu bini residenzjali.
U skont l-uffiċjali tal-Punent, ir-Russja mgħandhiex tiggwadanja ħafna fi kwalunkwe sitwazzjoni fejn il-belt ta’ Bakhmut tispiċċa f’idejn it-truppi tagħha – bir-rebħa għar-Russi bl-ebda mod mhi garantita.
Iżda waqt li Bakhmut spiċċa f’’ċimiterju’ għall-militar Russu, l-Ukreni wkoll qegħdin jitilfu ħafna suldati – għalkemm il-Punent ċaħad l-istqarrija tal-Ministeru tad-Difiża Russu fis-sens li l-Ukreni spiċċaw jitilfu mal-11,000 truppi ( f’Bakhmut) matul ix-xahar ta’ Frar.
//= $special ?>