Lokali

Il-PN isellem lin-nisa kollha u jixtiqilhom suċċess

Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara, il-Partit Nazzjonalista jsellem lin-nisa kollha u jixtiqilhom suċċess. Dan is-suċċess jista’ jintlaħaq meta l-mara Maltija verament tingħata d-dinjità mistħoqqa lilha.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliema għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet tat-Tfal Graziella Attard Previ u mill-Kelliema għal-Libertajiet Ċivili, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra d-Dijabete Claudette Buttigieg, il-Partit Nazzjonalista qal li din is-sena qed infakkru dan il-Jum taħt id-dell tal-Inkjesta dwar il-qtil ta’ Bernice Cassar, li kkonkludiet li l-Istat falla lil Bernice Cassar minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi u ammont kbir ta’ xogħol fil-Korp tal-Pulizija. Dan il-falliment tal-Istat hu falliment fil-konfront tan-nisa kollha f’pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li f’dan il-jum, il-Gvern ta’ Robert Abela għandu jippubblika r-rapport sħiħ tal-Inkjesta Maġisterjali dwar il-qtil ta’ Bernice Cassar u mhux biss il-konklużjonijiet.

Minkejja t-tibdil kollu fil-liġijiet u l-avvanzi kbar li seħħew, il-mara Maltija għadha tħossha mhedda u mhux protetta biżżejjed. Hemm bżonn li mill-kliem ngħaddu għall-fatti u l-Gvern jeħtieġ li juri li għandu tassew ir-rieda li jipproteġi lin-nisa mill-vjolenza domestika, kif ukoll li għandu għal qalbu s-sigurtà tan-nisa. Hu surreali li fl-2023 għadna niddiskutu l-vjolenza domestika u x’għandu jsir biex din il-pjaga ma tibqax tolqot lil ħafna nisa Maltin jew saħansitra twassalhom għall-mewt.

Il-Partit Nazzjonalista jieħu din l-okkażjoni wkoll biex ikompli jħeġġeġ lin-nisa Maltin ħalli jibqgħu jistinkaw, jistudjaw u jirrealizzaw il-ħolm u x-xewqat tagħhom. M’għandu jkun hemm xejn milli jzomm il-mara milli takkwista dak kollu li hi kapaċi tagħmel bil-ħila tagħha.

Fl-istess waqt, il-pajjiż irid jassigura li jkun hemm ambjent tajjeb biex il-mara tilħaq il-qofol tagħha.

Intant fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sellem lin-nisa kollha għall-kontribut tagħhom fis-soċjetà Maltija.

F’post fuq il-media soċjali kiteb li f’dan il-Jum, aktar minn oħrajn, jeħtieġ li niftakru li mhux kollox ward u żahar għal ħafna nisa li għaddejjin minn tbatijiet. Saħaq li jiddedika dan il-jum b’mod partikolari lil Paulina Dembska, Bernice Cassar, Pelin Kaya u lil kull mara mhux magħrufa li l-Istat falla fil-konfront tagħha. Ħsiebu jmur wkoll f’omm Jean Paul Sofia u ommijiet oħrajn li tilfu lil uliedhom waqt ħidmiethom u f’Daphne Caruana Galizia, li nqatlet għax fittxet il-verità.

Bernard Grech kiteb li kulħadd għandu obbligu li mhux biss ikun imfakkar Jum il-Mara, iżda naraw li nkomplu nsaħħu l-istituzzjonijiet li jiggarantixxu serħan il-moħħ u protezzjoni f’waqtha, kif ukoll li d-drittijiet ikunu mħarsa kif suppost.