Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Taħt friża straordinarja qabel ir-rebbiegħa

Ir-Renju Unit irreġistra l-akbar friża għax-xahar ta’ Marzu mill-2010 ‘il hawn u fost l-inżul tal-borra f’diversi bnadi li hu pjuttost rari għall-pajjiż aktar ma navviċinaw ir-rebbiegħa.

Dan waqt li t-temperaturi niżlu għal 15 taħt iz-zero fil-Highlands tal-Iskozja, bl-awtoritajiet joħorġu t-twissijiet dwar il-borra u s-silġ għar-residenti fin-nofsinar u l-lvant tal-Ingilterra, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq.

Mistenni wkoll li l-maltemp jikkaġuna problemi għall-provvista tad-dawl u meta għandha tinżel aktar borra madwar ir-Renju Unit, fost it-temperaturi taħt iz-zero lejn in-naħat ta’ fuq tal-Ingilterra.

Il-friża mistennija tiddomina fl-Iskozja u Wales sal-aħħar tal-ġimgħa, bir-residenti fl-Ingilterra qed jiffaċċjaw kesħa straordinarja għal dan iż-żmien tas-sena. Intant, ‘il fuq minn 100 skola kellha tagħlaq minħabba l-borra fin-naħa t’isfel ta’ Wales, bil-kundizzjonijiet kiefra anki kapaċi jaqilbu għall-agħar madwar ir-Renju Unit.