Internazzjonali

Ir-Repubblika tal-Ġorġja: Għadab għal abbozz ta’ liġi li jmur kontra kull kunċett ta’ libertà

Folol ta’ dimostranti, fl-aħħar sigħat, iġġieldu mal-Pulizija għal kontra l-Irvellijiet fiċ-ċentru ta’ Tbilisi wara li l-Parlament tal-Ġorġja appoġġja lill-abbozz ta’ liġi kontroversjali li, skont il-kritiċi, tillimita l-libertà tal-istampa minbarra li għandha tħalli impatt inkwetanti għas-soċjetà ċivili.

Id-dimostranti fi Tbilisi dehru jxejjru l-bnadar nazzjonali u tal-Unjoni Ewropea, bil-pulizija tuża l-kanuni tal-ilma u pepper spray biex tferrex il-folol quddiem il-bini tal-Parlament. 

Intant, il-Gvern tal-Ġorġja qal li għexieren ta’ suldati spiċċaw midruba fl-inkwiet u meta saru wkoll l-għexieren tal-arresti fl-inħawi tal-kapitali, Fost l-arrestati kien hemm Zarub Japaridze, wieħed mill-kapijiet tal-Oppożizzjoni, li anki spiċċa msawwat bl-aħrax mill-pulizija.

Il-komunità internazzjonali wkoll qed tikkundanna l-abbozz kontroversjali mogħti ‘is-siġill’ mill-Parlament fi Tbilisi.

Dan għaliex il-liġi tirrikjedi biex l-organizzazzjonijiet mhumiex govermentali u l-gruppi tal-istampa li jirċievu aktar minn 20 fil-mija tal-finanzjament minn barra jiddikjaraw lilhom infushom bħala ‘aġenti barranin’ inkella jissugraw li jeħlu l-multi kbar. L-abbozz jiftaħ ukoll għall-possibbiltà li l-membri ta’ dawn l-entitajiet jeħlu anki  termini ta’ priġunerija.

L-Oppożizzjoni fil-Ġorġja qed tisħaq li din il-liġi ‘tfakkar fl-istil tar-Russja’ minbarra li tikkaratterizza politika awtoritarja li tirrifletti ħażin ħafna fuq pajjiż li suppost jemmen fid-demokrazija.

Il-kelliema għall-Oppożizzjoni sostnew li l-abbozz tal-liġi għandha anki taffettwa ħażin iċ-ċansijiet tal-Ġorġja li tissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Dan ukoll meta fl-aħħar sigħat kellhom isiru jerġa’ aktar protesti quddiem il-bini tal-Parlament fi Tbilisi.

Id-Dipartiment tal-Istat Amerikan ukoll esprima tħassib għas-sitwazzjoni fil-Ġorġja peress li l-abbozz tal-liġi għandu ‘jitfa’ lill-pajjiż lura f’termini demokratiċi’ minbarra li jnaqqar sew mid-drittijiet li huma daqstant importanti għall-aspirazzjonijiet tal-poplu ta’ dik l-eks-Repubblika Sovjetika.

L-Unjoni Ewropea, bħalissa, qed tikkunsidra l-applikazzjoni tal-Ġorġja biex tingħata l-istatus ta’ kandidatura għall-isħubija eventwali fl-Unjoni. Dan meta l-Kap tal-Politika Barranija tal-UE, Josep Borrell, wissa li l-abbozz tal-liġi partikulari hu inkompatibbli mal-valuri tal-Unjoni Ewropea.