Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li ħaqar l-erba’ ulied tal-partner tiegħu

Raġel ta’ 33 sena residenti Ħal-Qormi ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana li bejn Ottubru tal-2018 u April 2020 ħaqar lil erba’ ulied tal-partner tiegħu fejn kien jikkastigahom u jaħqarhom. Fil-Qorti ħareġ li l-allegati vittmi huma tliet ibniet u tifel, bl-iżgħar wild għandu sitt snin.

Ir-raġel li ismu ma jistax jissemma fuq ordni tal-Qorti biex jiġu protetti l-ulied ġie mixli wkoll li naqas li jieħu ħsieb lit-tfal li kienu taħt il-kustosja tiegħu u li sar reċediv. L-Ispettur Kylie Borg li ressqet lir-raġel qalet li xi ħadd mit-tfal fetaħ qalbu ma’ social worker dwar l-aġir tal-imputat meta kien ikun magħhom u li kien idejjaqhom.

Huma qalu li kien jagħtihom kastigi eċċessivi, fosthom anki jagħmel l-awrina fuqhom. L-Ispettur Borg qalet ukoll li bdiet tinvestiga l-każ wara li rċiviet referta mid-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal, li marret tkellimhom l-iskola u mbagħad l-akkużat ġie arrestat u saħqet li tlieta mit-tfal jattendu l-iskola San Pawl il-Baħar u oħra l-Ħamrun.

L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi kollha miġjubin kontrih, bl-avukati li qed jidhru għalih, Franco Debono u Francesca Attard jitolbu għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat fejn qalu li oħtu li toqgħod il-Ħamrun lesta żżommu magħha.

Il-prosekuzzjoni, oġġezzjonat bil-qawwa kollha għax qalet li peress li l-akkużat għadu jiltaqa’ mat-tfal huwa faċli li jiġu mitkellma jew influwenzati u li l-akkużat stess qalilha li hu għandu joħroġ mat-tfal u mal-partner tiegħu. L-erbat itfal jgħixu man-nanna.

Il-Maġistrat Caruana ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li x-xhieda tal-allegati vittmi għadha ma ttiħditx u għax huma kollha minuri. Il-Qorti ordnat lill-Prosekuzzjoni biex mill-aktar fis ttella’ x-xhieda u ordnat ukoll divjett fuq l-ismijiet kollha, inkluż tal-akkużat.