L-avukat Aaron Mifsud Bonnici ma jarax konflitt ta’ interess bejn il-fatt li hu kien Segretarju tal-Bord tal-Enemalta, kien l-avukat tal-ex ministru Konrad Mizzi, kien l-avukat tal-Ministeru tal-Enerġija u ngħata €200,000 f’direct orders.
Din id-dikjarazzjoni l-avukat Mifsud Bonnici għamilha meta kien qed jixhed quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) dwar ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-power station tal-Electrogas.
Il-Kumitat kien presedut miċ-Chaiperson id-deputat Nazzjonalista Darren Carabott u għall-Oppożizzjoni pparteċipaw d-deputati Nazzjonaisti David Agius u Graham Bencini filwaqt li d-deputati laburisti Andy Ellul, Glenn Bedingfield, Alex Muscat u Naomi Cachia rrappreżentaw lill-Gvern.
Ix-xhud f’din is-seduta kien l-avukat Aaron Mifsud Bonnici li kien Segretarju tal-Bord tal-Enemalta bejn l-2013 u l-2020. Hu xehed li taħt l-ex Ministru Konrad Mizzi hu kien serva bħala avukat u kien segretarju ta’ diversi entitajiet fosthom l-ARMS.
Ix-xhud qal li m’għandux ittri jew komunikazzjoni għall-ħatra tiegħu ta’ Segretarju tal-Bord tal-Enemalta għaliex kien hemm okkażjonijiet fejn ma kienx ukoll ittri ta’ ħatra. Dawn kienu speċi ta’ estenzjoni tar-rwol tiegħu fl-Enemalta.
L-ewwel laqgħa bħala Segretarju tal-bord kienet f’Mejju 2013, spjega x-xhud, li kompla li kien waqaf għaliex kien offra r-riżenja wara kull reshuffle tal-kabinett tal-gvern. Fl-2020 hu qal li kellu raġunijiet ta’ saħħa fil-familja u kien indika li ma kienx xtaq li jibqa’ daqshekk attiv.
L-avukat Mifsud Bonnici kompla li hu kien offra r-riżenja tiegħu kull meta kien hemm reshuffle bejn l-2013 u l-2020 jew kull meta kien hemm elezzjoni. Hu sostna li kien sar bil-proġett tal-power station mill-informazzjoni pubblika sakemm il-proġett issemma’ fil-Bord tal-Enemalta fil-laqgħa li fiha saret preżentazzjoni dwar ir-riżultat tal-Kumitat ta’ Evalwazzjoni. Ix-xhud qal li din kienet l-uniku darba li l-proġett ittella’ quddiem il-Bird tal-Enemalta.
L-avukat Aaron Mifsud Bonnici qal li ma jiftakarx li l-proġett tal-power station kien xi milestone li jinġieb quddiem il-Bord tal-Enemalta. Hu sostna li ma kellu l-ebda involviment fil-proġett tal-power station jew fil-Kumitat ta’ Evalwazzjoni. Ix-xhud kompla li qatt ma ra r-rapporti tal-Kumitat ta’ Evalwazzjoni tal-power station u sostna li l-Bord tal-Enemalta ma kienx jingħata aġġornamenti dwar il-porġett tal-power station.
L-aġenda tal-laqgħat dejjem saret mill-uffiċċju taċ-Chairman tal-Enemalta, sostna x-xhud, li kompla li ma jiftakarx meta ssejħet il-laqgħa tat-12 ta’ Ottubru 2013 għalkemm ma kinitx issejħet siegħat qabel.
Dwar laqgħa li saret f’Kastilja ġurnata qabel propju dwar l-Electrogas li fiha kien deċiż min se jieħu l-offerta għall-power station, ix-xhud qal li ma jiftakarx dettalji dwar din il-laqgħa tal-11 ta’ Ottubru 2013 f’Kastilja tant li ma kinitx imniżżla fil-minuti. Ix-xhud ikkonferma li l-Kumitat ta’ Evalwazzjoni presedut minn David Galea kien għamel id-deċiżjoni tiegħu dwar min se jieħu l-proġett.
Aaron Mifsud Bonnici qal li hu ma kienx jara l-aġenda tal-laqgħat tal-Bord tal-Enemalta u kien jirċeviehom bħall-membri l-oħra. Hu kompla li hu kien kiteb li din kienet laqgħa strordinarja u spjega li din il-laqgħa ddaħħlet bejn laqgħa u oħra tal-Bord.
Jirriżulta li d-Deputat Chairman u direttur ieħor tal-Bord ma kienux preżenti għal din il-laqgħa iżda, dwar dan, Aaaron Mifsud Bonnici wieġeb li ma kienx hemm raġuni għaliex ma kienx spjegat għaliex dawn iż-żewġ membri m’attendewx. Hu qal li Lara Boffa ma ddikjaratx għaliex kienet ivvotat kontra l-proġett tal-Electrogas.
Ix-xhud qal li waqt il-laqgħa, Lara Boffa ma tatx ir-raġunijiet għaliex kienet se tivvota kontra. Dwar diskrepanzi bid-dati bejn l-aġenda tal-laqgħat u meta saru l-laqgħat, Aaron Mifsud Bonnici qal li kien mitlub mill-Enemalta biex tingħata kjarifika dwar din l-aġenda. Hu qal li kien sar xi żball u għalhekk kellhom isiru l-verifiċi. Bħala kortesija ħassejtni fid-dmir li nippuntahom (lill-Enemalta) fid-direzzjoni minn hemm toħroġ l-aġenda, sostna Aaron Mifsud Bonnici, li kompla li l-uffiċċju taċ-Chairman kien jagħti appoġġ lill-uffiċċju tas-segretarju fl-amministrazzjoni. Hu qal li ħadd mill-membri tal-Bord ma kien induna bl-iżball fuq l-aġenda tal-laqgħa tal-Bord.
Ix-xhud qal li kien il-Kap Eżekutiv u David Galea li għamlu l-peżentazzjoni teknika lill-Bord tal-Enemalta u sostna li ma kinitx fil-kompetenza tiegħu li jidħol fid-dettall tal-proġett tal-power station. Hu qal li ma jiftakarx li xi ħadd staqsa min huma n-nies wara dan il-proġett. Dik il-laqgħa ma kinitx one sided, sostna Aaron Mifsud Bonnici, li ma ftakarx jekk dokument li wrih David Agius kienx fil-fatt il-preżentazzjoni.
Aaron Mifsud Bonnici qal li hu ma kellux vot fil-Bord tal-Enemalta, ma kienx avviċinat biex ma jkunx leali u ma kienx jintalab opinjoni. Hu kompla li fi tmiem il-preżentazzjoni ċ-Chairman poġġa d-dokument għall-vot bla ma kien hemm diskussjoni. Id-deċiżjoni ma kinitx komunikata lill-ministeru permezz tiegħi.
L-ex Segretarju tal-Bord tal-Enemalta qal li ma jistax jirrispondi jekk il-membri tal-Bord kienux diġà ħadu deċiżjoni qabel fil-fatt saret il-laqgħa tal-Bord tad-Diretturi. Hu sostna li ġieli kien hemm laqgħat mal-ministru ta’ dak iż-żmien Konrad Mizzi u kompla li qatt ma kien tkellem ma’ Konrad Mizzi dwar l-Electrogas. Dwar kif sar jaf lil Konrad Mizzi hu qal li kien sar jafu f’April 2013.
Ix-xhud ma weġibx jekk bħala avukat kienx assista lil Konrad Mizzi u jekk kienx hemm konflitt bejn il-fatt li hu kien l-avukat personali ta’ Konrad Mizzi u l-fatt li hu kien inkarigat biex ikun Segretarju tal-Bord. Ix-xhud kompla li mhux għaqli li jitkellem fuq il-professjoni tiegħu ta’ avukat.
Aaron Mifsud Bonnici xehed li ma ħassx li kellu konflitt dirett mal-Electrogas u sostna li kien mar ma’ Singapore ma’ Konrad Mizzi għax kien jassisti lill-Ministeru biex tratta l-bejgħ tal-bastiment li jissupplixxi l-gass lill-power station. Hemmhekk kont avukat tal-Ministeru, sostna l-avukat Mifsud Bonnici, li kompla li ma kienx ċert li l-bastiment jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Electrogas.
L-avukat Mifsud Bonnici qal li l-bastiment tal-gass kien issemma’ fil-preżentazzjoni lill-Bord tal-Enemalta u sostna li kien hemm konnessjoni mal-proġett. Hu kompla li kien jaf li t-tanker tal-gass kien marbut mal-power station u sostna li l-proġett tal-Montenegro m’għandux x’jaqsam mal-proġett tal-Electrogas.
Muri email mibgħuta mill-Enemalta, ix-xhud qara l-email u li din hi email tad-9 ta’ Marzu 2017 fejn kien hemm ħtieġa ta’ laqgħa urġenza biex ikun diskuss il-proġett tal-Montenegro.
Mifsud Bonnici xehed li ma jafx b’rabta bejn iż-żewġ proġetti minkejja li kien preżenti fil-Montengro. Dwar min huma l-benefiċċjarji tal-proġett tal-power station tal-Electrogas, ix-xhud qal li żgur li le. Mistoqsi jekk qattx kellem jew kellux transazzjonijiet ma’ Yorgen Fenech, Mifsud Bonnici sostna li dakinhar li ttieħdet id-deċiżjoni ma kienx jaf lil Yorgen Fenech.
Hu xehed ukoll li kien sar jaf lil Yorgen Fenech, jaf min hi Anna Fenech u sostna li jien ħadd ma ikkomunika miegħi dwar l-Electrogas, la l-benefiċċjarji u lanqas dawn il-persuni. Ix-xhud xehed li ma kienx tkellem jew ikkomunika ma’ Konrad Mizzi jew ma’ Keith Schembri dwar il-proġett tal-power station tal-Electrogas.
Mistoqsi jekk iħossx li kellu konflitt meta kien Segretarju tal-Bord, kien avukat tal-Ministeru tal-Enerġija u ħa €200,000 f’direct orders, ix-xhud qal li ma kienx se jwieġeb dwar kemm ħa direct order u sostna li ma ħadimx f’sitwazzjoni fejn kien hemm konflitt.
Mistoqsi jiftakarx jekk waqt laqgħa tal-Bord tal-Enemalta kienx hemm diskussjoni dwar it-taxxa ta’ €40 miljun li kellha titħallasx mill-Electrogas, ix-xhud qal li jiftakar li kien hemm din id-diskussjoni u jekk din id-diskussjoni seħħet allura din tinsab fil-minuti. Dwar il-garanzija tal-Bank of Valletta, ix-xhud qal li mhux komdu jgħid li din ġiet diskussa u kompla li d-deċiżjonjiet kollha jitniżżlu fil-minuti.
Mifsud Bonnici qal li ma jiftakarx li kien hemm direttur li kien il-kuntatt mal-Eelctrogas.
//= $special ?>