“Mhu se ngħid xejn”.
Kienet din l-ewwel reazzjoni mal-ġurnalisti wara li Joseph Azzopardi ħa l-ġurament bħala Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika fil-Palazz ta’ Sant’Anton.
Waqt li kien ħiereġ mill-Palazz tal-President, Azzopardi ħarab għal kollox id-domandi tal-media, filwaqt illi qal li lanqas għadu biss daħal l-uffiċċju.
Kien hawn li sellem lill-ġurnalisti, ipponta lejn it-temp sabiħ, u qalilhom ‘enjoy your day’.
Fl-ewwel dehra tiegħu, il-Kummissarju tal-Istandards jaħrab id-domandi
Jipponta lejn is-sema u jgħidilna, “enjoy your day!”
Posted by NET News on Wednesday, March 8, 2023
Robert Abela appunta lil Joseph Azzopardi f’din il-kariga wara x-xogħol tant siewi li kien għamel fl-aħħar snin George Hyzler – persuna li dejjem, fl-irwol tiegħu ta’ Kummissarju, baqa’ miftuħ għall-media. Hyzler daħal fl-irwol bl-appoġġ tal-Parlament kollu; xi ħaġa li Joseph Azzopardi m’għandux.
F’kummenti li ta lill-media wara l-ġurament tal-ħatra, il-Prim Ministru għażel li jattakka b’mod qarrieq lill-Kap tal-Oppożizzjoni għax qal illi naqas milli jawgura lil Joseph Azzopardi. Abela għamel din l-asserzjoni ftit minuti wara li Bernard Grech kien għadu kif wieġeb lill-media Laburista li hu kien diġà awguralu; awgurju li sema’ kull min kien preżenti fis-sala tal-Palazz.
Intant, wara l-ġurament tal-ħatra tal-Prim Imħallef Emeritu bħala Kummissarju għall-Istandard fil-Ħajja Pubblika, kien imiss lill-Imħallef Emeritu Joseph Zammit Mckeon biex jieħu l-ġurament tal-ħatra bħala Ombudsman.
Min-naħa tiegħu, l-Ombudsman il-ġdid…. li kiseb l-appoġġ anki tal-Oppożizzjoni fil-Parlament…. kien dispost minnufih għall-mistoqsijiet tal-media u wiegħed li se jmexxi bi stil differenti minn ta’ qablu, u se jagħmel mill-aħjar li jaqdi dan l-irwol bl-aqwa mod.
Matul iċ-ċerimonja, il-President ta’ Malta, George Vella, appella lil Azzopardi u lil Zammit Mckeon biex ma jiddejjqu xejn jieħdu d-deċiżjonijiet diffiċli, anki jekk mhux kulħadd jieħu pjaċir bihom għaliex iż-żewġ karigi joffru ħajt ta’ kenn għall-poplu Malti u Għawdxi filwaqt li għandhom isaħħu l-integrità tal-politika Maltija.
//= $special ?>