L-Awtoritajiet fl-Iran ftit għandhom informazzjoni dwar il-mewġa tal-każi fejn it-tfajliet tal-iskola qegħdin jispiċċaw ivvelenati taħt ċirkustanzi misterjużi. Is-sitwazzjoni qed tħasseb bil-kbir lill-pajjiż u waqt li sallum ma sarux arresti, l-awtoritajiet akkużaw lill-allegati għedewwa tal-Iran b’li qed imexxu kampanja tal-ivvelenar bil-ħsieb li jdgħajjfu lit-Tmexxija Iżlamika ta’ dan il-pajjiż.
Filwaqt li l-investigazzjonijiet qed ikomplu, il-Mexxej Suprem tal-Iran, l-Ayatollah Ali Khamenei, irrefera għall-ivvelenar bħala ‘reat li ma jista’ jinħafer qatt’ waqt li insista li l-persuni responsabbli għandhom jingħataw l-akbar pieni permessi skonti l-liġi.
‘Il fuq minn 1,000 tfajliet f’għexieren ta’ skejjel ilhom min-Novembru jispiċċaw affettwati mill-mard ‘inspjegabbli’ x’aktarx li dovut għall-ivvelenar. L-inċidenti kienu rappurtati f’numru kbir ta’ bliet Iranjani – bis-sorsi anonimi fil-pajjiż qed jaħsbu li l-iskejjel tat-tfajliet fl-Iran saru mira għall-elementi estremisti u fundamentalisti li ma jridux li l-bniet jingaħtaw edukazzjoni formali.
Hemm ukoll min jaħseb li l-awtoritajiet Iranjani qed jivvendikaw ruħhom mat-tfajliet talli huma kienu fost il-protagonisti fil-protesti kontra l-Gvern ta’ Khamenei li żbruffaw f’Settembru qabel infirxu madwar il-pajjiż.
//= $special ?>