Lokali Qorti

L-Istat ordnat iħallas aktar minn €37,000 fuq ksur tad-drittijiet fundamentali

Għal darba oħra, l-Istat ġie ordnat iħallas eluf ta’ ewro minn flus il-poplu lis-sidien ta’ proprjetà fuq ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Wara li reċentement l-Avukat tal-Istat kien ordnat iħallas €180,000 fuq propjetà f’Ħal Tarxien, f’sentenza oħra mogħtija mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha, huwa ġie ordnat iħallas aktar minn €37,000 din id-darba fuq propjetà f’Ħal-Qormi.

Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Ian Spiteri Bailey laqgħet it-talba tal-koppja Michael Zammit u Emanuela Zammit, li kienu bdew proċeduri l-Qorti fit-12 ta’ Ottubru 2020. Kienu talbu lill-Qorti biex tiddikjara li, bl-operazzjonijiet tal-Ordinanza li Tirregola t-Tiġdid tal-Kiri tal-bini skont il-Kap. 69 tal-Liġijiet ta’ Malta, qed jiġu vjolati d-drittijiet fondamentali tagħhom.

Dan ukoll skont l-Artikolu 37 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta kif ukoll fl-Ewwel Artikolu tal-Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea u l-Artikolu 14 tal-istess Konvenzjoni. Konsegwentement fejn it-talba kienet milqugħa huma talbu lill-Qorti biex tagħtihom dawk ir-rimedji kollha li jidhrilha xierqa u opportuni inkluż li jagħtihom il-pussess lura tal-appartament fi Triq id-Dielja, Qormi.

Talbu wkoll lill-Qorti biex tillikwida d-danni sofferti mill-koppja u kif ukoll il-kumpens xieraq għall-okkupazzjoni tal-appartament bi vjolazzjoni tad-drittijiet tal-esponenti u tikkundanna lill-Avukat tal-Istat u min kien qed jgħix fl-appartament sabiex iħallsu tali danni jew kumpens, jew it-tnejn f’daqqa.

F’dan il-każ il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili qalet li l-ewwel Qorti ħadet in konsiderazzjoni l-fatturi kollha li jimmilitaw kemm favur kif ukoll kontra sid l-appartament u deherilha li l-kumpens xieraq li ghandha taghti f’dan il-każ ikun fl-ammont ta’ €25,000.

Hija kkonsidrat id-dewmien da parti tas-sdien li jieħdu l-proċeduri opportuni, il-valur tal-immobbli, iż-żmien tant twil li rrikorrenti ilhom privati mit-tgawdija tal-proprjetà tagħhom mingħajr ma ngħata l-ebda kumpens. Il-Qorti qalet li liġijiet li qed jilmentaw minnhom ir-rikorrenti huma maħsuba sabiex jipproteġu persuni milli jiġu mkeċċija mid-dar ta’ abitazzjoni tagħhom f’għeluq it-terminu konċess lilhom fil-kuntratt tal-kiri.

Il-Qorti qalet li mill-provi prodotti, jirriżulta li Michael Zammit u martu kienu xtraw, flimkien ma’ Joseph Zammit, l-art magħrufa bħala tal-Ħammieri, fi triq ġdida li tiżbokka fi Triq Pinto, Ħal Qormi, li fuqha nbniet l-imsemmija propjetà permezz ta’ kuntratt fil-5 ta’ Awwissu 1975.

Spjega li flimkien ma Joseph Zammit, huma bnew fuq l-imsemmija art blokka ta’ erba’ appartament b’garaxxijiet.
Jispjega li permezz ta’ kuntratt ta’ tpartit fl-atti tan-Nutar Antoine Agius, datat 4 ta’ Diċembru 1991. Qalu li huma l-propjetarji uniċi tal-fond fi Triq id-Dielja, Ħal-Qormi, u li fis-snin sebgħin kienu krew l-appartament numru wieħed lill-inkwilini b’kera ta’ LM50 kull sigtt xhur, liema valur żdied skont il-Liġijiet emendati dan l-aħħar, iżda qatt ma kien jirrifletti il-valur reali tas-suq.

Il-kirja tammonta għal €326 kull sitt xhur fejn iben dawk li qed jabitaw f’din il-kirja qed igawdi magħhom il-post. Il-Qorti qalet li tosserva wkoll l-istima ppreżentata mir-rikorrenti mar-rikors promotur tagħhom fir-rigward tal-propjetà, l-Perit Matthew Bugeja bi stima datata 9 ta’ Jannar 2020, ivvaluta l-propjetà fl-ammont ta’ €185,000 fuq is-suq miftuħ.

Sadaniitant il-Perit tekniku Mario Cassar, b’rapport maħluf fl-24 ta’ Ġunju 2021, irrelata li l-valur tal-fond in kwistjoni fis-suq liberu kien ta’ €150,000. Bħala valur lokatizzju tal-fond, dan huwa indikat fir-rapport tiegħu, f’intervalli ta’
ħames snin mis-sena 1987 sas-sena 2020, u jirriżulta illi l-kera ġusta tal-valur tal-prorpjetà fuq is-suq, skont il-valur lokatizzju tal-fond fis-suq, kellha tkun:

1987 sa 1991 €449 fis-sena €2,245 ta’ ħames snin (għan-nofs indiviż), 1992 sa 1996 €1,172 fis-sena €5,860 ta’ ħames snin, 1997 sa 2001 €1,532 fis-sena €7,660 ta’ ħames snin, 2002 sa 2006 €2,003 fis-sena €10,015 ta’ ħames snin, 2007 sa 2011 €2,617 fis-sena €13,085 ta’ ħames snin, 2012 sa 2016 €3,421 fis-sena €17,105 ta’ ħames snin, 2017 sa 2020, €4,471 fis-sena €13,413 ta’ tliet snin, 2020 €5,250 fis-sena €5,250 ta’ sena.

Dan għal total ta’ kera komplessiva ta’ €74,63) mis-sena 1987 sas-sena 2020, bħala intorjtu ta’ kera illi kien ikun
ġust u ekwu skond il-valur tal-fond fis-suq liberu. Il-Qorti qalet li ma tħossx illi hemm raġunijiet sabiex tvarja dak stabbilit mill-Periti addizzjonali minnha mqabbda u sejra tagħmel tagħha l-konklużjonijiet tagħhom kif magħmula fir-rapport tagħhom.

Il-Qorti qalet li għalhekk li mis-sena 1987 sas-sena 2020, il-kera globali gusta kienet tkun fis-somma ta’ €74,600. Effettivament is-sidien rċievew is-somma ta’ €14,5033, li turi l-iżbilanc u sproporzjon evidenti. Fid-dawl ta’ dan kollu,
i-Qorti qalet li hija tal-fehma li l-kumpens pekunarju għandu jkun ta’ €27,27) u li l-kumpens non-pekunarju għandu
jkun ta’ €10,000.