L-Ukrajna qed tiċħad kategorikament għal kull sehem fl-attakk tas-26 ta’ Settembru li għadda fuq il-pipelines ta’ Nord Stream li kienu nbnew primarjament biex jittrasportaw il-gass naturali lejn il-Ġermanja.
L-istqarrija mill-Ukreni qed issegwi rapport ippubblikat f’The New York Times u li jirreferi għal uffiċjali tas-servizzi sigrieti tal-Istati Uniti li ssuġġerew li l-attakk, fil-forma ta’ splużjonijiet, kien dovut għal grupp li jappoġġja lill-Ukrajna.
L-uffiċjali li saret referenza għalihom fir-rapport ma’ kenux identifikati, waqt li Mykhailo Podolyak, li hu konsulent għall-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qiegħed jiċħad li l-Ukrajna setgħet, b’xi mod, kienet involuta fl-isplużjonijiet.
Fil-fatt, anki l-kelliema għall-Gvern Russu, fl-aħħar sigħat, kienu qed jiddubitaw kif l-Istati Uniti setgħet tasal għal dik il-konklużjoni mingħajr investigazzjoni bir-reqqa.
Il-kelliem ewlieni għall-Kremlin,Dmitry Peskov, irrefera għar-rapport inkwistjoni bħala ‘kampanja koordinata għaċ-ċirkolazzjoni tal-aħbarijiet foloz’. Hu tenna li ‘il-vera awturi tal-attakk fuq il-pipelines ilhom għal dawn ix-xhur jistinkaw biex jevitaw kull tip ta’ attenzjoni jew skrutinju’.
Ir-Russja qed twaħħal ċar u tond fil-Punent għall-isplużjonijiet waqt li sejħet għal investigazzjoni indipendenti min-naħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.
Dan ukoll meta l-media tal-Ġermanja qalet li l-investigaturi ‘jemmnu’ li rnexxielhom jidentifikaw id-dgħajsa li ntużat għall-attakk bl-isplussivi ta’ Settembru.
It-trasport tal-gass mir-Russja lejn l-Ewropa kien spiċċa sospiż sa minn qabel l-isplużjonijiet tas-sena l-oħra – b’Moska tagħlaq in-Nord Stream 1 pipeline f’Awwissu bl-ispjegazzjoni li dan kien jeħtieġ proċess ta’ manutenzjoni.
Sadanittant, il-pipeline tan-Nord Stream 2 għad irid jibda jiffunzjona – u meta għadha mhix magħrufa l-kawża eżatta tal-isplużjonijiet ta’ Settembru, ħafna analisti jemmnu li l-attakk kienu r-riżultat ta’ ‘pjan kkoordinat u speċifiku’.
//= $special ?>