Għawdex Lokali Saħħa

NIŻVELAW: Robert Abela qed jikkunsidra konċessjoni oħra għall-isptarijiet

Il-Prim Ministru jikkonferma li l-Gvern, mhux talli determinat li jieħu l-isptarijiet lura, talli qed jikkunsidra konċessjoni ġdida

Wara s-sentenza storika li ngħatat mill-Imħallef Francesco Depasquale u li litteralment biċċer il-ftehim tal-isptarijiet, il-Gvern ta’ Robert Abela xorta qed jikkunsidra li juża l-istess mudell tal-Vitals u jagħti konċessjoni oħra.

Dan ikkonfermah il-Prim Ministru innifsu f’kummenti lill-ġurnalisti wara ċ-ċerimonja li saret fil-Palazz Presidenzjali, fejn Abela kien mistoqsi fost l-oħrajn dwar x’se jiġri fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Kien f’dan il-mument li Abela żvela d-dettalji tad-diskussjonijiet li għaddejin bħalissa dwar it-tliet sptarijiet ta’ San Luqa, Karin Grech u l-Isptar t’Għawdex, bil-Prim Ministru jinsisti li qed tiġi kunsidrata konċessjoni oħra u allura, l-isptarijiet jistgħu jingħataw lil xi ħadd ieħor.

Dan ifisser li l-Gvern għadu qed jikkunsidra l-possibiltajiet kollha, inkluż li jagħti l-isptarijiet f”deals separati jew jagħti konċessjoni ġdida li tiġbor l-isptarijiet flimkien.

Intant, il-Prim Ministru ġie mistoqsi speċifikament dwar Għawdex u dan il-famuż sptar ġdid li l-Labour ilu snin sħaħ iwiegħed.

Robert Abela ikkonferma li ma jafx fejn se jinbena dan l-isptar, u wisq inqas għandu time-frame tal-proġett.

Għawdex suppost kellu jkun wieħed mill-proġetti ewlenin ta’ Vitals u Steward. Iżda l-Għawdxin qatt ma raw il-frott tal-investiment imwiegħed.

U minkejja li xogħol ma sarx u titjib ma sar assulutament xejn, tal-Vitals u Steward xorta ħadu mat-390 miljun ewro – flus li ttieħdu mit-taxxi tal-poplu.

Is-sentenza ta’ Depasquale ingħatat fil-kawża li kien fetaħ id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia, u li ddikjarat il-kuntratt mal-Vitals u Steward bħala null.