Lokali

“Robert Abela jisfida lil Fearne u ma jeskludix li jerġa’ jagħti l-isptarijiet lill-privat” – PN

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li hu surreali kif Robert Abela baqa’ ma tgħallem xejn mis-sentenza li tat il-Qorti dwar il-kuntratt korrott u frawdolenti li bih tliet sptarijiet tal-poplu ngħataw lill-privat.

Ftit jiem biss wara li l-Qorti qalet lil Robert Abela li kien responsabbli “in primis” li dak il-kuntratt jitwaqqaf, illum ma ċaħadx li l-Gvern tiegħu jivvinta xi kuntratt ieħor dwar l-istess sptarijiet.

Robert Abela jibqa’ l-persuna responsabbli li, kemm ilu fil-Parlament, ivvota favur li jingħataw il-mijiet tal-miljuni f’Budget wara ieħor lil ta’ Vitals u Steward. U qabel, hu kien ukoll Konsulent tal-Kabinett.

Ftit tal-jiem ilu, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal fil-Parlament li l-Gvern qed jaħdem fuq pjan biex it-tliet isptarijiet jerġgħu jibdew jitmexxew mill-Istat. Illum, Robert Abela sfidah u ma eskludiex li jerġa’ jagħtihom lill-privat.