Lokali

Abela jikkonferma li l-karozza li ssuq Michelle Muscat imħallsa mit-taxxi tal-poplu

Il-vettura li l-mara tal-eks Prim Ministru u eks Mexxej tal-Labour Joseph Muscat, Michelle Muscat, issuq – hija kompletament iffinanzjata mit-taxxi tal-poplu.

Dan ikkonfermah il-Prim Ministru Robert Abela wara li saritlu domanda parlamentari mid-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg fejn staqsiet sabiex Abela jikkonferma jekk Joseph Muscat igawdix mis-servizz ta’ tieni karozza…li qed tintuża mill-mara tiegħu.

Abela kkonferma li dan kien parti minn pakkett ta’ tluq li Joseph Muscat gawda minnu f’Diċembru tal-2019…meta rreżenja minn Prim Ministru.

Huwa kkonferma wkoll li din hija l-istess karozza li l-mara ta’ Muscat kienet tuża meta r-raġel tagħha kien għadu qed jokkupa r-rwol ta’ Prim Ministru, madanakollu insista li m’hemmx is-servizz ta’ xufier.

Dan il-pakkett finanzjarju li ngħata Muscat wara li kien sfurzat jirreżenja qalb il-mewġa ta’ kriżi politika li ħakmet lill-pajjiż fl-2019 qatt ma sar magħruf il-kontenut tiegħu.