Jammetti li l-Gvern mhux jeskludi konċessjoni oħra tal-isptarijiet
Il-Gvern ta’ Robert Abela qiegħed jikkunsidra biex it-tlett sptarijiet li reġgħu ngħataw lura lill-poplu b’sentenza tal-Qorti jerġa’ jagħtihom lura lill-privat b’konċessjoni oħra. Dan wara li l-Erbgħa waranofsinhar il-Prim Ministru nnifsu saħaq li qed jiġi kkunsidrat li jew tingħata konċessjoni għat-tlett sptarijiet jew inkella…l-isptarijiet St. Luke’s, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex…jingħataw f’konċessjoni separata.
Għaldaqstant il-Ħamis filgħodu Net News staqsa lill-Ministru u kirurgu, Jo Etienne Abela, dwar kif qed jistenna li l-poplu jerġa’ jafda lill-Gvern Laburista b’konċessjoni oħra tal-isptarijiet wara li l-istess Gvern ippermetta li flus il-poplu jkunu ffrodati….bil-Ministru inizjalment jiċħad..imbgħad jikkonferma li dan qed jiġi kkunsidrat.
B’kollox, il-Gvern tal-Labour ta lill-Vitals u sussegwentament Steward…€390 miljun mit-taxxi tal-poplu; miljuni tal-ewro li l-Qorti stess ma tistax tispjega għalfejn baqgħu jingħataw minkejja li ma kienux qed ilaħqu mal-obbligi mitluba lilhom.
L-aħħar somma li ngħatat kienet proprju f’Ottubru li għadda, matul il-budget għas-sena 2023 hekk kif kull Deputat Parlamentari Laburista qabel li Steward Healthcare jingħata €80 miljun addizzjonali.
Mistoqsi għalfejn huwa qabel li jingħataw dawn il-miljuni minn flus il-poplu…minkejja li kien jaf sewwa li ma kienux qed ilaħqu mal-obbligi tagħhom – anke fid-dawl li huwa ġej mill-kamp mediku…il-Ministru Abela saħaq illi ħass li kellu jagħmel hekk.
Dan kollu seħħ fl-istess jum illi fih il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech flimkien mad-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia ressqu mozzjoni fil-parlament sabiex il-Gvern ikun obbligat jieħu flus il-poplu lura mingħand Vitals u Steward.
Net News staqsa lill-Ministru JoEtienne Abela min se jkun qed jerfa’ xi forma ta’ responsabbiltà għal dak kollu li seħħ fl-aħħar ftit xhur b’rabta fost l-oħrajn kemm mas-sitwazzjoni tal-isptarijiet kif ukoll mal-inkjesta b’rabta mal-qtil ta’ Bernice Cassar kif ukoll mal-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia….bil-Ministru jibqa’ jaħrab għal kollox milli jwieġeb.
//= $special ?>