Lokali

“Ħenn Għalina” – Kunċert tar-Randan imtella’ minn Schola Cantorum Jubilate

Nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Marzu 2023, Schola Cantorum Jubilate (SCJ) se tipreżenta “Ħenn Għalina”, kunċert b’differenza li jiffoka fuq il-vuċijiet maskili tal-kor, imdawra bl-arti u l-arkitettura unika tal-Knisja Parrokjali tal-Għasri. Bis-sehem tas-sezzjonijiet maskili ta’ SCJ u l-SCJ Teenage Boys Singers, il-kunċert se jesplora kompożizzjonijiet magħrufa kif ukoll oħrajn ġodda miktuba jew rranġati speċifikament għat-tenuri u baritoni.

Il-kunċert jinkludi innijiet popolari tar-Randan, kant Gregorjan u siltiet korali kontemporanji inqas magħrufa, lkoll minsuġa ma’ siltiet mill-iskrittura, poeżija u letteratura. Ma jonqosx l-impatt tal-ambjent arkitettoniku tal-knisja li se jiġi esplorat u utilizzat bir-reqqa matul il-kunċert. “L-għan tagħna hu li nesploraw l-arti fil-forom differenti tagħha. Il-mużika, il-letteratura u l-arkitettura se jingħaqdu flimkien biex toħroġ il-qawwa u s-sbuħija tagħhom; il-kreattività miġbura f’moħħ l-artist, il-kompożitur u l-kittieb, u l-kobor tal-ħila tal-bniedem xhin ikompli jaħdem fuq dak li ħalaq Alla fid-dinja u fl-essenza umana,” jispjega Stefan Attard, Leader Kap tal-Kor tal-SCJ. Il-produzzjoni tinkludi wkoll proża oriġinali ta’ Joe Psaila, ħassieb u poeta prolifiku kontemporanju, kif ukoll qari mill-Iskrittura. “Nittamaw li Ħenn Għalina jgħin lil dawk preżenti jifhmu l-imħabba t’Alla,” ikompli s-Sur Attard.

Il-kor se jkun akkumpanjat minn Gino Mulè Stagno fuq l-orgni, Anna Magrin fuq il-pjanu, u Fiona Murphy fuq il-vjolinċell, kollha taħt id-direzzjoni tad-Direttur tal-Kor Marouska Attard. “Ir-Randan kien u għadu ta’ ispirazzjoni għal ħafna kompożituri,” tinnota is-Sinjura Attard. Dan ifisser li hemm ħafna xogħlijiet mill-isbaħ minn fejn nagħżlu, li fil-fatt jagħmlu l-għażla tar-repertorju aktar diffiċli.

“Il-programm li ser nipreżentaw għandu fil-qalba tiegħu siltiet mill-Iskrittura Mqaddsa, kantati f’motetti u kant Gregorjan. Inkludejna innijiet li ħafna minna nisimgħu u nkantaw matul ir-Randan, bħal O Ġesu tal-Akbar Ħniena, arranġata mill-kompożitur residenti tagħna Paul Portelli,” tkompli is-Sinjura Attard. Ir-repertorju fih biċċiet addizzjonali ffukati fuq il-penitenza, it-talb u l-eżaltazzjoni ta’ Alla, fosthom Crux Fidelis, O Bone Jesu, Adoramus Te, In Monti Oliveti, Pie Jesu u This Cross, miktubin minn diversi kompożituri, fosthom Mummert, Lightfoot, Behnke, Pergolesi, Martini, Ravanello, Grancini, Hutchings, Nelson u Patterson. Bix-xieraq, il-kunċert jinkludi wkoll Ħenn Għalina ta’ Dun Albert Borg b’lirika ta’ Oliver Friggieri u adattata għal dan il-kunċert minn Portelli. Barra minn hekk, il-Baritonu Albert Buttigieg se jkanta l-arja It is Enough! O Lord mill-oratorju Elijah ta’ Mendelssohn.

“L-idea wara dan il-kunċert kienet li nipprovdu lill-kantanti żgħażagħ tagħna bi pjattaforma biex ikantaw il-mużika sagra. Ir-Randan huwa żmien perfett biex nesploraw din it-tip ta’ mużika, mnisġa bl-Iskrittura u b’repertorju kkurat bir-reqqa li jgħin lill-udjenza tagħna tesplora l-Kelma t’Alla,” tgħid is-Sinjura Attard. Barra minn hekk, il-kunċert jitfa’ l-attenzjoni fuq din il-knisja ta’ spiss injorata, li fiha nnifisha hija wkoll xogħol tal-arti. F’dan il-każ, il-post mhuwiex sempliċement marka ġeografika, imma huwa importanti daqs il-mużika u l-koristi. It-trankwillità u l-arkitettura tal-Knisja Parrokkjali tal-Għasri, mibnija fl-1903 u ddedikata lil Corpus Christi, iżidu fil-profondità ta’ dan il-kunċert miżmum taħt il-ħarsa kontemplattiva tal-pittura tal-Aħħar Ċena ta’ Lazzaro Pisani.

Id-dħul għall-kunċert huwa b’xejn. “Ħenn Għalina” qed jittella’ bil-kollaborazzjoni tad-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.

Dwar Schola Cantorum Jubilate

Imwaqqaf fis-sena 2000, Schola Cantorum Jubilate stabilixxa ruħu bħala wieħed mill-korijiet prominenti f’Malta. Schola Cantorum Jubilate jaħdem għal livell għoli ta’ arti korali; joffri teknika vokali u mużikoloġija li jwasslu għal kantanti professjonali; kif ukoll jappoġġja l-iżvillup artistiku u personali tal-koristi, b’attenzjoni lejn artisti emerġenti.

Segwi Schola Cantorum Jubilate fuq Facebook, Instagram jew www.scjchoir.com għal aġġornamenti dwar avvenimenti fil-futur.