Il-qawwiet tar-Russja, matul il-lejl tal-Erbgħa fetħu baraxx ieħor ta’ missili fuq l-ibliet tal-Ukrajna u li fihom inqatlu numru mhux speċifikat ta’ ċivili. Il-kelliema f’Moska qalu li fl-attakki ntużaw anki l-missili ħipsersoniċi li kapaċi jivvjaġġaw b’ħames darbiet aktar mill-veloċità tal-ħoss u f’sitwazzjoni fejn l-Ukreni ma kellhomx id-difiżi adekwati għal kontra tagħhom.
Il-bumbardament kien l-akbar wieħed fuq l-Ukrajna minn Jannar, bil-militar Ukren, iżda, jirnexxilu jwaqqa’ missili oħrajn li kienu sparati lejn iz-zoni ċivili madwar pajjiżu u bir-Russi anki jużaw id-drones fuq il-poplu fost il-kundanna tal-aġenziji favur id-drittijiet umani.
Fl-aħħar sigħat, kienu qed jinstabu aktar vittmi tal-bumbardamenti fil-belt ta’ Lviv, bil-President Ukren Volodymyr Zelensky jirreferi għal ‘tattiċi krudili li qed jinkwadraw fil-pjani ta’ Moska biex twettaq ġenoċidju fl-Ukrajna.’ Dan fost rapporti dwar is-sejba ta’ vittmi fl-inħawi ta’ Kherson u Dnipropetrovsk.
Zelensky ikkonferma li – minbarra l-kapitali Kiev — talanqas għaxar reġjuni ntlaqtu mill-missili tar-Russi u li jinkludu Zhytomyr, Kirovohrad, Kharkiv, Sumy, Vinnytsia, Lviv, Ivano-Frankivsk, Odesa u Zaporizhzhia. Hu kompla li r-Russi qed jivvendikaw ruħhom maċ-ċivili għad-disfatti militari li sofrew u li huma mhumiex se jfarfru mir-responsabbiltà għall-atroċitajiet kontra l-familji innoċenti.
Il-bumbardamenti anki kaġunaw qtugħ tad-dawl madwar l-Ukrajna, b’uħud mill-missili jolqtu faċilità għall-enerġija fil-belt tal-port ta’ Odesa flimkien ma’ diversi zoni residenzjali. Il-belt u r-reġjun ta’ Kharkiv ukoll ġarrbu l-qilla tal-attakki, fejn fost oħran intlaqtu r-residenzi, flimkien mal-faċilitajiet għall-infrastruttura prinċipali.
Madankollu, l-analisti fil-Punent jemmnu li l-aħħar bumbardamenti fallew milli jolqtu l-miri bi preċiżjoni assoluta. Fil-fatt, l-aħħar attakki, minkejja l-imwiet konsegwenti, ma ħallewx impatt diżasatruż fuq il-livell li kienu qed jittamaw l-Uffiċjali tal-Kremlin.
//= $special ?>