L-akbar impjant nukleari tal-Ewropa, fl-inħawi ta’ Zaporizhzhia, fl-aħħar sigħat spiċċa mingħajr provvista tal-elettriku b’kaġun tal-aħħar missili sparati mill-qawwiet Russi u bir-riżultat li kellu jaħdem għal żmien fuq il-ġeneraturi tad-diesel.
Il-kumpless nukleari ilu x-xhur taħt okkupazzjoni Russa u meta t-tekniċi Ukreni għadhom qegħdin jieħdu ħsieb l-operat f’dan il-kumpless.
Intant, l-Ukreni u r-Russi qed jakkużaw lil xulxin dwar sensiela ta’ attakki fuq l-impjant fost it-tħassib tal-pajjiżi Ewropej li kwalunkwe eskalazzjoni tal-gwerra kapaċi twassal għal inċident bir-radjazzjoni mill-aktar serja.
Rafael Grossi, li jmexxi l-International Atomic Energy Agency (IAEA), issa ħareġ twissija urġenti dwar is-sitwazzjoni fl-impjant ta’ Zaporizhzhia u, waqt diskors lill-bord tad-diretturi tal-Aġenzija, sostna li dawn l-iżviluppi allarmanti ma jistgħux ikomplu għaddejjin.
Hu fakkar li din kienet is-sitt darba li l-faċilità spiċċat mingħajr enerġija b’konsegwenza tal-gwerra fl-Ukrajna u meta l-kumpless, f’dawn is-sitwazzjonijiet, ikollu jiddependi fuq sistemi li jintużaw biss għall-emerġenzi partikulari.
Grossi fakkar li sitwazzjonijiet bħal dawn huma dipendenti fuq ‘ix-xorti u d-destin’ u meta hemm possibbiltà kbira ta’ traġedja fuq skala devastanti fis-sit nukleari.
Intant hu ħeġġeġ biex il-partijiet kollha jinvestu immedjatament fis-sistemi għas-sigurtà tal-impjant biex il-periklu jonqos għall-Ukreni u l-bqija tal-kontinent. Il-Kap tal-IAEA, fl-istess ħin, talab ukoll għall-ħarsien ta’ ‘zona ta’ protezzjoni’ madwar il-faċilità ta’ Zaporizhzhia.
//= $special ?>