Lokali Qorti

“Il-Kummissarju tal-Pulizija ma jridx jagħlaq l-investigazzjoni fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia”: Dr. Anna Mallia

Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa ma jridx li l-investigazzjoni dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia tingħalaq. Wara sentejn u nofs li ilha għandu l-informazzjoni l-Kummissarju tal-Pulizija talab li jingħata kopja tax-xhieda.

L-Avukat Anna Mallia li qed tidher għal Yorgen Fenech mixli bl-involviment fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia qalet dan fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili f’kawża għad-danni li qed issir mill-familjari ta’ Caruana Galizia. Il-kawża qed issir kontra Yorgen Fenech, Melvin Theuma, li kien il-middleman fid-delitt u ngħata l-proklama, kontra Vincent Muscat, li ammetta l-involviment tiegħu fil-qtil, kif ukoll lill-aħwa George. u Alfred Degiorgio, li ammettew f’ġuri li wettqu l-qtil iżda li issa qed jikkontestaw id-dikjarazzjoni tagħhom, kif ukoll kontra Robert Agius tal-Maksar u Jamie Vella li huma akkużati li pprovdew il-bomba lill-qattiela tal-ġurnalista.

Informazzjoni li kien ta sentejn u nofs ilu Vincent Muscat, magħruf bħala “Il-Koħħu” huwa kien implika lil Chris Cardona fl-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia. Minn naħa tagħha l-Avukat Anna Falzon qalet għal darba darbtejn li l-Kummissarju tal-Pulizija qed isib kull skuża immaġinabbli biex il-każ ma jingħalaqx għaliex hu għandu l-informazzjoni kollha.

Hi qalet li il-klijent tagħha jixtieq ikun notifikat dwar ir-rikors tal-Kummissarju tal-Pulizija, u fuq kulll rikors ieħor li jista’ jiġi preżentat. Filwaqt li qalet li ma kinitx qed toġġezzjona għal ebda talba tal-Kummissarju tal-Pulizija, qalet lix-xhieda dwar il-pjan li kelliu jseħħ qabel l-2017 tinsab kollha għand Angelo Gafa.

Il-kumplament tal-flus għall-assasinju ta’ Caruana Galizia ingħataw fix-Xgħajra ta’ Ħaż-Żabbar

Quddiem l-Imħallef Anna Felice xehed Vince Muscat magħruf bħala “Il-Koħħu” li wieġeb għadd ta’ mistoqsijiet li sarulu mill-Avukat Anna Mallia. Hu kkonferma li b’kollox hu u sħabu ħadu €150,000  biex ikkommettew il-qtil tal-ġurnalista. Tenna li kienu ħadu €30,000 qabel il-qtil u €120,000 wara. Jiftakar li kienu għadda għal Alfred Degiorgio bil-karozza, wara li kien qallu li ried jiltaqa’ ma’ Melvin Theuma għall-kumplament tal-flus u marru x-Xgħajra ta’ Ħaż-Żabbar.

Fuq mistoqsija oħra tal-Avukat Anna Mallia, Muscat qal li ma kienx ra lil Theuma dak inhar għax baqa’ fil-karozza, imma jaf li Melvin Theuma għandu appartament f’dawn l-inħawi. Kien ipparkja fejn hemm il-caravans u għadd ta’ dgħajjes, ftit jew wisq il-bogħod minn fejn Degiorgio mar jiltaqa’ ma’ Theuma. Kif Alfred Degiorgio wasal lura ħdejh qallu li Melvin kien tah il-flus.

Fuq mistoqsija oħra tal-Avukat, Muscat qal li meta hu u l-aħwa Degiorgio kienu taħt it-tinda tal-Marsa kienu jafu li kellhom jaslu l-Pulizija, għax kien qalilhom b’kollox dwar dan l-istess Melvin Theuma. Madankollu Theuma ma kienx qalilhom kif kien jaf li kienu sejrin il-Pulizija.

Mistoqsija oħra li wieġeb “il-Koħħu” kienet jekk kinitx l-unika darba li meta marru jagħmlu l-Għassa fil-Bidnija, li raw l-karozza ta’ Daphne Caruana Galizia barra x-xatba quddiem id-dar tagħha, kif kien xehed dwar dan fil-passat. Ix-xhud hawn wieġeb fl-affermattiv.

Melvin Theuma jitlob id-dritt tas-silenzju biex ma jinkriminax lilu nniffsu

Wara kellu jixhed Melvin Theuma, iżda l-avukati tal-partijiet deheru sorpriżi meta l-Avukat tiegħu Kathleen Calleja Grima talbet lill-Qorti biex tinvoka d-dritt tas-silenzju peress li hemm appell kontra l-Kummissarju tal-Pulizija fuq sfida li saret kontrih fejn il-klijent tagħha qed jiġi mixli li xehed falz fil-proċeduri.

L-Avukat Calleja Grima qalet li jekk tintlaqa’ l-isfida mill-Qorti tal-Appell, jistgħu jittieħdu proċeduri fil-konfront tal-klijent tagħha.Qalet li qed titlob li dan id-dritt jingħata lilu sakemm jiġi konkluż l-appell fejn fih qed tiġi attakkata x-xhieda ta’ Theuma.

L-Avukat qalet lill-Qorti li kieku ma kinitx qed issir din l-isfida l-klijent tagħha ma kienx ikollu problema biex jixhed. Hawn qam battibekk bejn l-Avukat Anna Mallia f’isem Yorgen Fenech u l-Avukat Calleja Grima għal Theuma, b’Mallia tgħid li kieku l-klijent tagħha ngħata l-proklama kien jixhed xorta waħda f’dawn il-proċeduri.

Mallia qalet li Calleja Grima setgħet faċilment ippreżentat rikors dwar dan. Il-Qorti qalet ukoll li kienet rriżervat nofs ta’ nhar biex tisma’ x-xhieda u għalhekk dan tqisu bħala ħela ta’ ħin. F’mument minnhom il-Qorti qalet lill-Avukat ta’ Theuma li s-sentenza dwar l-isfida ilha ftit li ġiet deċiża u li sar appell minnha u għalhekk jekk hi ma kellha l-ebda rispett lejn il-kollegi tagħha, ta’ l-anqas messha kellha rispett lejn il-Qorti u nformata dwar dan.

Hawn ingħad li kien Yorgen Fenech li qed jagħmel din l-isfida fil-konfront ta’ Melvin Theuma. Il-Qorti qalet lill-avukat ta’ Melvin Theuma biex f’dawn iċ-ċirkostanzi hi għandha tippreżenta fl-atti kull xhieda diġa mogħtija minn Melvin Theuma fi proċeduri oħrajn.

“Biex nippreżentahom jien mhux faċli u ma jiddependix minni minħabba proċedura,” qalet l-Avukat lill-Qorti. Minn naħa tagħha l-Avukat Anna Mallia qalet li ma taqbilx li t-traskrizzjonijiet jkunu disponibbli għal kulħadd u li tenniet li tant hemm verżjonijiet ta;’ xhieda, din tista’ tista tkun problema.

Wara aktar battibekki l-Qorti qalet li kienet qed tordna lir-Reġistratur tal-Qorti biex jippreżenta kopji tax-xhieda ta’ Melvin Theuma fi żmien erba’ ġimgħat. Din hija xhieda fost oħrajn li ta fi proċeduri kontra Yorgen Fenech, l-aħwa Degiorgio, Vince Muscat, Robert Agius u Jamie Vella, kif ukoll fi proċeduri kontra Keith Schembri u oħrajn.

Il-Qorti qalet ukoll li għandu jkun hemm id-dritt tal-kontro-eżami lil Theuma. Hawn l-Avukat Joseph Zammit Maempel qal lill-Qorti biex jekk fil-frattemp ikun l-eżitu tal-appell, il-partijiet għandhom ikunu nfurmati, xi ħaġa li l-Avukat Calleja Grima qablet dwara. Il-każ se jkompli fit-18 ta’ Mejju li ġej fid-9.30am.

L-avukati Joseph Zammit Maempel u Eve Borg Costanzi dehru f’isem il-familja Caruana Galizia. L-avukati Anna Mallia, Marion Camilleri, Charles Merceica u Gianluca Caruana Curran ’isem Yorgen Fenech, William Cuschieri f’isem Vince Muscat, L-Avukati Alfred Abela u Rene Darmanin f’isem Robert Agius u Jamie Vella, u l-Avukati Kathleen Calleja Grima u Matthew Brincat f’isem Melvin Theuma.