Ir-rapport ta’ The Shift News b’referenza għall-Case Notes tal-Ombudsman tal-Edukazzjoni (2022, pġ 67) dwar l-MCAST, li aġixxa b’mod illegali u abbużiv fil-konfront ta’ impjegata li nżammet sospiża għal tliet snin, ikompli jikkonferma arja ta’ kultura rampanti li fiha jirrenjaw l-impunità u l-klijenteliżmu.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa mid-deputat Nazzjonalista u Kelliem għall-Edukazzjoni u s-Snajja Justin Schembri.
F’Ġunju tas-sena li għaddiet, fil-Parlament, il-Partit Nazzjonalista kien talab l-informazzjoni kollha dwar dan il-każ (Mistoqsija Parlamentari Nru. 1497 / Seduta 18), partikolarment dwar jekk il-persuna li ressqet dan l-ilment baqgħetx titħallas b’full pay minn Lulju tal-2018 lil hawn.
Fir-risposta tiegħu, il-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima spjega li l-persuna “ma tinsabx sospiża b’full pay”. Kuntrarjament, ir-rapport tal-Ombudsman jgħid li din il-persuna nżammet b’full pay sal-1 ta’ Jannar tal-2023 qabel inqalbet fuq half pay.
Din mhix l-ewwel darba li l-MCAST qed ikun akkużat b’nuqqasijiet diversi, b’mod partikolari fil-konfront ta’ dawk li waqqfu prassi li jmorru kontra l-ispirtu edukattiv u demokratiku fil-Kulleġġ, kif ukoll li definittivament ma jistgħux jibqgħu jiġu injoranti minn Ministru tal-Edukazzjoni għall-ieħor.
Meta kien tlesta r-rapport Bonello (tal-2019), kien evidenti biżżejjed li fl-MCAST kienet qed tirrenja “sistema tossika”, li għadha tinħass u għadha qed tkun irrapportata sal-lum. Mill-2019 sal-lum sar ftit li xejn biex tkun ratifikata din is-sitwazzjoni.
Fid-dawl tal-Abbozz dwar l-MCAST li tressaq fil-Parlament ġimgħat ilu, u li jkompli jagħti saħħa u awtorità lil diversi protagonisti li welldu dan l-ambjent, il-Partit Nazzjonalista jsejjaħ lill-Ministru tal-Edukazzjoni biex janalizza fid-dettall kull rapport li qed jitfa’ dawl ikrah fuq il-modi kif jitmexxa l-MCAST u jagħti r-rakkomandazzjonjiet għall-futur, filwaqt li jara li tintrefa’ r-responsabbiltà kollha.
Fl-istess waqt, il-Ministru għandu wkoll jassigura li l-ebda klawsola fl-Att dwar l-MCAST (minflok it-Taqsima VIII tal-Att dwar l-Edukazzjoni; Kap. 327) ma tkun intenzjonata biex tiffavorixxi lil min qiegħed, skont dawn ir-rapporti, isaħħaħ il-kultura oppressiva u ta’ impunità fil-Kulleġġ, li għandu jeċċella fir-reputazzjoni tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni li dawn ir-rapporti qed joskuraw ix-xogħol siewi li jsir fl-MCAST minn ħafna professjonisti, li għandhom għal qalbhom il-kawża li għalih twaqqaf il-Kulleġġ.