Lokali

Il-PN determinat li jkompli fil-ġlieda kontra l-abbużi sesswali fil-post tax-xogħol

Il-Partit Nazzjonalista qed jieħu bis-serjetà l-inkwiet ta’ numru ta’ ħaddiema u min iħaddem dwar is-sitwazzjoni preżenti ta’ rapporti ta’ fastidju sesswali fil-post tax-xogħol.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mid-deputati Ivan Castillo, Graziella Attard Previ u Darren Carabott.

Skont rapporti u sondaġġi lokali minn NGOs esperti fis-settur, f’pajjiżna hemm wieħed minn tliet abbużi sesswali fil-post tax-xogħol li ma jkunux irrappurtati lill-Pulizija għal diversi raġunijiet, fosthom għax il-vittmi ma jkunux jafu xi jridu jagħmlu biex jirrappurtaw.

Fl-istess waqt, rapporti jindikaw ukoll li tlieta minn erba’ ħaddiema nisa huma vittmi ta’ abbuż sesswali fil-post tax-xogħol. Dan kollu, flimkien ma’ fatturi oħrajn, qed iwasslu għal biża’ fost il-ħaddiema.

Fid-dawl ta’ dan, il-Partit Nazzjonalista ppreżenta Abbozz ta’ Liġi fil-Parlament biex jemenda l-Liġi u jkompli bil-ħidma tiegħu ta’ zero tolerance għall-abbuż sesswali fil-post tax-xogħol.

L-emenda fil-Liġi se tintroduċi għall-ewwel darba f’pajjiżna l-obbligu fil-postijiet tax-xogħol li huma meqjusa bħala medium enterprises jew huma akbar, jiġifieri li għandhom aktar minn 49 ħaddiema, u li jiġbor il-politika kontra l-fastidju sesswali fil-post tax-xogħol. Dan ifisser li din l-emenda legali se tolqot b’mod dirett lil madwar 44,000 ħaddiem f’Malta u f’Għawdex, kif ukoll tħalli influwenza pożittiva fuq kull post tax-xogħol.

Biex min iħaddem ikun konformi ma’ din il-bidla, il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi wkoll li fl-istess Liġi, l-awtoritajiet tal-Gvern ikollhom ir-responsabbiltà li jippubblikaw dokument mudell li jkun jista’ jintuża’.

Madankollu, il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ li, għalkemm b’din l-emenda se jkun obbligu legali għal dawk li huma meqjusa bħala intrapriżi medji jew akbar, kull post tax-xogħol għandu jesplora l-possibbiltà li jintroduċi dan id-dokument jew iqassam informazzjoni lill-ħaddiema tiegħu. Dan imur ukoll id f’id mal-fatt li, għal kull post tax-xogħol, il-fastidju sesswali se jibqa’ reat.

B’hekk, min iħaddem u l-ħaddiema f’dawn il-postijiet tax-xogħol se jkollhom il-protezzjoni sħiħa, kif se tkun ipprovduta, ladarba tidħol fis-seħħ din l-emenda bl-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali – Kapitolu 452 tal-Liġijiet ta’ Malta.

Dan id-dokument ta’ politika kontra l-fastidju sesswali fil-post tax-xogħol għandu jinkludi l-għan, id-definizzjoni ta’ x’jikkostitwixxi fastidju sesswali fil-post tax-xogħol, il-proċedura dwar kif jista’ jsir rapport ta’ fastidju sesswali fil-post tax-xogħol u anke miżuri dixxiplinarji f’każ ta’ abbuż.

Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Gvern jingħaqad miegħu u jivvota favur din l-emenda fil-Liġi wara li l-Abbozz kien ippreżentat quddiem il-Parlament.